1. Il-kalendarju jmexxina minn jum għall-ieħor. Fl-ordni li l-bniedem stabilixxa. Għaddiet sena sħiħa minn fuqna u magħha nħallu dak li għaddejna minnu. Dak li ġarrabna. Dak kollu li rajna jseħħ quddiemna. F’dak li ma xtaqniex li jseħħ u f’dak li minkejja li ppruvajna niftħu għajn ħaddiehor xorta baqa għaddej u seħħ.

Il-ferħ

2. Xorta f’dan kollu minkejja dawk ir-riżultati u l-pożizzjonijiet irridu naħdmu. Irridu nkomplu nistinkaw mill-parti tagħna. Nipprovaw nappellaw għall-użu korrett tar-raġuni. Naġixxu u nitkellmu sabiex inservu ta’ għodda għas-sewwa. Pajjiżna huwa wieħed li jgħaraf dak li hu ġust minn dak li m’ huhiex. Dak li huwa żbaljat u dak li huwa korrett.

Għarfien

3. F’dan iktar hemm fuq naħa l-konfort li dak li qiegħed isir hemm apprezzament tiegħu. Fuq l-oħra l-għarfien li jekk ma jsirx il-pajjiż imur lura. Iktar u iktar meta hemm bżonn iktar rikonċiljazzjoni u medjazzjoni. Iktar bnedmin li jifhmu l-komplikazzjonijiet tal-oħrajn. Iktar dawk li jkunu deċizi u ppreparati jaħdmu għall-oħrajn u magħhom.

Il-proxxmu

4. Dan huwa iktar rilevanti għax għandna mewġa politika u soċjali li tħares li tkompli tkabbar l-egoiżmu fil-bniedem. Iktar u iktar f’dawn iż-żminijet fejn dak li qiegħed iseħħ bil-pandemija li tkompli tmiss magħna. Iktar għax kif qegħdin nibdew naraw u forsi nifhmu, l-persuna umana qed taqta lilha nnifisha mill-oħrajn. Li taqsam u tgħin qed isir iktar diffiċili meta hija aktar bżonnjuża.

Diffiċli

5. Il-komplikazzjonijiet qegħdin jikbru proprju għax il-proċess qiegħed jitwal. Hawn arja ta’ melankonija. Hawn inqas l-għarfien mill-klassi politika li hemm bżonn li l-messaġġ jkun indirizzat lejn iktar tama futura. Tama li torbot lilha nnifisha ma’ spjegazzjonijiet ċari ta’ dak li għaddejjin minnu u dak li hemm bżonn isir. B’proċess aqwa ta’ fatti, statistika u mhux fuq perċezzjonijiet ta’ illużjonijiet.

Poplu ħaqqu dan.

6. Il-poplu jara ferm iktar minna. Jifhem iktar dak li huwa qiegħed iġarrab u mhux dak li jgħidulu li qiegħed. Jgħaraf l-ħtiġijiet veri tiegħu u mhux dawk li jiġi misqi minn diskors jew aljenazzjonijiet varji. Il-pajjiż ħaqqu li jkollu iktar aġir onest, umili, iktar trasparenti u ċertament mhux bażat fuq il-kunċett li xi ħadd jaf tant ħafna li ma għandux bżonn l-oħrajn.

Responsabbilità

7. Għandna fuqna lkoll responsabbilità partikolari. Dik li tista timxi ‘l quddiem jekk ġġib lil kull persuna f’daqqa. Mhux eliminazzjoni tal-oħrajn. Anqas diviżjoni kontinwa sabiex wieħed jaħseb u jidħaq bih innifsu li jista’ jirbaħ fuq l-ieħor. Il-vuċijiet fis-soċjetà jridu jinġiebu f’daqqa b’għan ċar u li fih hemm il-piż tas-sitwazzjoni gravi preżenti u dik futura. Fejn ħadd ma jiġi ndikat li huwa għadu imma li huwa parti importanti. Fejn anzi hemm in-neċessita li dan isir.

Direzzjoni

8. Dan huwa evidenti aktar f’dak li seħħ fl-aħħar gimgħat tas-sena fejn ix-xenarju reġa’ nbidel. Il-poplu qiegħed jara li hemm bżonn pjani ġodda għall-futur tiegħu. F’mument il-mewg preżenti tal-pandemija ser ibattu. Hemm min jista’ jieħu lezzjonijiet fil-bżonn akbar tal-protezzjoni tal-bniedem fl-ambjent naturali tiegħu. Hemm min moħħu biss biex jieħu lura l-arloġġ għall-Awissu 2019. Ma hemmx preparazzjoni u anqas direzzjoni.

Wefqin

9. Minn dak li jidher anzi huwa dejjem iktar evidenti li ħsieb għall-futur li ser niltaqgħu miegħu ma hemmx. Meta tara id-dokumenti varji li ġew prodotti u stampati, tifhem li l-kunċetti huma mwielda minn ripetizzjoni ta’ dak li kien hemm qabel. Nibbażaw programmi soċjali, ekonomiċi u kulturali fuq dak li kien hemm u seta, fl-opinjoni ta xi ħadd. ħadem.

Forza ta’ bidla

10. F’dan hemm bżonn li jkun hemm forza differenti - waħda ta bidla. Wahda li taf thares l-quddiem u ggib l-esperjenza tagħha għas-servizz tal-poplu. Jsir xi jsir minn dan l-Gvern li kuljum jitlef biċċa minnu u li jittanta ruħu jibdilha b’proċess

mhux proprju fil-vuċi elettorali u demokratika hemm linja li mhux ser jirnexxi. Anzi wara d-dabra tal-Greylisting issa hemm komplikazzjonijiet oħra.

Forza għas-sewwa

11. F’dan ix-xenarju wieħed jifhem iktar kemm kull persuna trid tagħti sehemha u anzi trid tiġi mgħotija l-ispazju biex tagħtih. Hemm vuċijiet ġodda li qed jitwieldu fis-soċjetà li qegħdin ibiddlu l-mappa ta’ dak li wieħed jeħtieġ. Dan il-fatt waħdu m’ huhiex iġib dawk li jridu jifhmu minn fejn għandhom jgħaddu biex jaslu.

It-tre re

12. Qiegħed iwelled iktar dawk li l-bgħid minn kull umiltà jaħsbu li huma kapaċi jaslu anki jekk ma jafux it-triq. Kif qrajt “lost its way not only because it lacks maps of the new country it is crossing, but because it thinks maps unnecessary for experienced travellers”. Meta proprju llum li nisimgħu kif waslu dawk t-tlett Magi nifhmu li hemm bżonn min ikun jaf fejn irid jasal.

Inħarsu lejn il-futur

13. F’dan għandna iktar piż u responsabbilità li nħarsu lejn il-futur. Naħdmu aktar għas-sewwa. Naħdmu biex dan isir għar-raġuniet it-tajba mhux għall- konvenjenzi politiċi. Nistinkaw fil-lealtà lejn il-valuri u l-prinċipji tagħna. Naħdmu fil-vantaġġi li l-istat Malti għandu fil-minjiera prezzjuza tad-demokrazija. Inħarsu b’ħidmietna din is-soċjetà. Nħarsu verament id-demokrazzija li għandha bżonn titħaddem sew.

Inkomplu nibnu

14. F’dan irridu nkomplu nibnu dak li aħna. Nibnu fuq il-pedamenti tagħna. Naħdmu sabiex f’din s-sena li ġejja nkunu aktar forza politika mmirata għas-sewwa. Waħda li tgħaraf li l-ewwel li l-Maġi waslu u li ma jiġux ta’ xejn kull sena. Mill-qalb nawgura lilkom lkoll li l-2022 tkun Sena t-Tajba.

Carm Mifsud Bonnici

About

Literature Politics Chess