Is-settur tal-volontarjat f’pajjiżna hu settur importanti ħafna, hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarijiet nieda numru ta’ proposti bil-għan li jkompli jsaħħaħ dan is-settur fl-istess waqt li għandu jkun mgħejjun biex ma jkomplix jiddgħajjef.

Il-proposti tressqu mid-deputati Kevin Cutajar, Claudette Buttigieg u Ivan Bartolo. Dawn huma l-proposti mressqa mill-Partit Nazzjonalista:

Tnaqqis u simplifikazzjoni tal-burokrazija

Konxju mill-burokrazija żejda li l-Gvern Laburista ħonoq biha l-għaqdiet volontarji fl-aħħar snin, Gvern Nazzjonalista ġdid, Jimbarka fuq eżerċizju nazzjonali fl-ewwel xhur tiegħu biex inaqqas u jissemplifika l-burokrazija. Dan billi jara li jkun hemm reġistru wieħed biss amministrat mill-Kummissarju għall-Volontarjat, li jirċievi d-dokumentazzjoni neċessarja mill-għaqdiet volontarji. Jara li jkun hemm portal elettroniku wieħed, user friendly li permezz tiegħu jistgħu jiġu sottomessi l-formoli u l-informazzjoni kollha li għaqda volontarja jkollha bżonn timla. Iħajjar u jgħin lill-għaqdiet volontarji biex jagħmlu dik li tissejjaħ self-regulation u għal dan il-għan se jara li jħajjar il-ħolqien ta’ aktar pjattaformi fost għaqdiet b’funzjonijiet simili jew komuni u dan billi jintroduċi inċentivi finanzjarji f’dan ir-rigward. Isaħħaħ is-superviżjoni tal-istat fuq il-qasam tal-volontarjat biex joffri serħan il-moħħ lill-banek u jipperswadihom jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-għaqdiet.

Eżenzjoni mit-Taxxa fuq il-Valur Miżjud fuq ċerti proġetti

Gvern Nazzjonalista ġdid jeżenta lill-għaqdiet mit-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) meta jaħdmu fuq proġetti speċifiċi ta’ importanza u fejda għas-soċjeta’. L-eżenzjoni tingħata skont kriterji preċiżi li jitfasslu b'konsultazzjoni mas-settur tal-volontarjat u b’rabta mal-iskop soċjali tal-proġett.

Fondi nazzjonali u intrapriżi soċjali

Gvern Nazzjonalista ġdid isaħħaħ ir-rwol tal-Kunsill Malti għall-Volontarjat fl-amministrazzjoni u t-tqassim tal-għajnuna minn fondi nazzjonali lill-għaqdiet. Il-fondi jingħataw skond il-ħidma soċjali tal-għaqda, fuq kriterji preċiżi li jitfasslu b'konsultazzjoni mas-settur tal-volontarjat. Gvern Nazzjonalista ġdid jara li l-Liġi dwar l-intrapriżi soċjali (li ilha mwaħħla fil-parlament għal dawn l-aħħar żewġ leġiżlaturi) tiġi addottata u implimentata bl-aktar mod li jaqbel lill-għaqdiet biex dawn ikunu jistgħu jħaddmu din l-għodda fl-operat tagħhom. Jara wkoll li jkun hemm dawk l-inċentivi finanzjarji u fiskali neċessarji biex iħajjar t-twaqqif u t-tħaddim tal-intrapriżi soċjali f’Malta.

Propjetajiet tal-gvern għall-użu tal-għaqdiet

Gvern Nazzjonalista ġdid jwettaq eżerċizzju nazzjonali biex jiġu identifikati propjetajiet tal-Istat battala jew li ma jintużawx, sabiex dawn il-propjetajiet jingħataw taħt ftehim lil dawk l-għaqdiet li jeħtieġuhom biex joperaw jew iwettqu attivitajiet minnhom.

Rwol tal-Kummissarju u tal-Kunsill aktar effettiv

Gvern Nazzjonalista ġdid jagħti lill-uffiċju tal-Kummissarju tal-Volontarjat aktar riżorsi biex jaħdem. B’hekk ir-rwol tal-Kummissarju tal-Volontarjat jiġi trasformat minn wieħed t’għassies bħal ma hu llum li jorbot idejn l-għaqdiet kollha għal wieħed ta’ regolatur modern li jissorvelja, jħalli l-għaqdiet jaħdmu u jieħu passi biss kontra min jiżbalja. Gvern Nazzjonalista ġdid jagħti lill-Kunsill Malti għall-Volontarjat l-istatus li jixraqlu billi jara li dan ikun aktar rappreżentattiv tal-għaqdiet billli jkollu rappreżentant innominat minnu fuq il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD).

Għajnuna lill-għaqdiet fuq livell reġjonali

Fil-kuntest tar-reġjuni li jiffurmaw it-territorju Malti llum, Gvern Nazzjonalista ġdid jaħdem biex ikun hemm ċentri reġjonali (Għawdex, Tramuntana, Ċentru, Xlokk u Nofs in-Nhar ta’ Malta), li jservu biex jipprovdu lill-għaqdiet ibbażati fir-reġjun rispettiv, servizzi li jvarjaw minn taħriġ ghall-amministraturi, post fejn għaqda tiltaqa jew torganizza attivitajiet, sa għajnuna fir-reġistrazzjoni, annual returns u applikar għal finanzjament nazzjonali jew Ewropew.

Assenjazzjoni ta' ħaddiema taċ-Ċivil mal-għaqdiet

Gvern Nazzjonalista ġdid jipprovdi aktar riżorsi billi jara li jassenja mal-għaqdiet kollha volontarji u mhux governattivi li jkunu jixtiequ, ħaddiema mis-settur pubbliku, biex jgħinu lil dawn l-għaqdiet iwettqu l-ħidma tagħhom aħjar. Sabiex dan il-proċess jaħdem aħjar mil-lum, individwi li jiġu ngaġġati jkunu mitluba jagħtu l-preferenza tagħhom għal liema settur tal-volontarjat ikunu lesti jagħtu s-servizz tagħhom f'każ li jkun hemm ħtieġa.

Eżenzjoni tat-Taxxa fuq id-Dħul meta jingħataw donazzjonijiet lill-għaqdiet

Gvern Nazzjonalista ġdid jestendi għall-kumpanniji u l-individwi kollha l-opportunita li dawn jagħtu parti mid-dħul tagħhom b'donazzjoni lil xi għaqda tal-għażla tagħhom, u dik il-parti tiġi mnaqqsa mit-Taxxa fuq id-Dħul dovuta lill-Istat. It-tnaqqis fit-taxxa jingħata skond il-ħidma soċjali tal-għaqda, fuq kriterji preċiżi li jitfasslu b'konsultazzjoni mas-settur tal-volontarjat.

Klassifikazzjoni aktar wiesgħa

Konxji mill-varjeta wiesgħa t’għaqdiet li jeżistu f’Malta, Gvern Nazzjonalista ġdid, jikkonsidra kategoriji ġodda għal għaqdiet bħal dawk l-assoċjazzjonijiet li jirrapreżentaw xi settur ekonomiku jew soċjali jew inkella xi professjoni u li llum huma meqjusa bħala għaqdiet volontarji, iżda li fil-fatt jikkwalifikaw aktar bħala msieħba soċjali.

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt