Fl-aħħar jiem il-Partit Nazzjonalista preżenta abbozz ta’ liġi li jinkludi 12-il att. Abbozz li jindirizza n-nuqqas ta’ deċiżjonijiet tal-Gvern Laburista u biex f’pajjiżna tieqaf l-impunità u tkun missielta l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Abbozz li jindirizza wkoll in-nuqqas ta’ azzjoni ta’ Robert Abela b’mod partikolari biex pajjiżna joħroġ mil-lista l-griża tal-FATF.

Imma għaliex dan l-abbozz ta’ liġi li preżenta l-PN għandu jinteressa lil dawk li forsi bħalissa għaddejjin tajjeb? Dan l-abbozz kif jista’ jtejjeb ħajjitna?

Konvint f’pajjiżna naqblu li għandu jkollna tisħiħ fil-libertà tal-espressjoni, u li għandna naħdum aktar biex niġġieldu l-kriminalità organizzata. Dan l-abbozz qiegħed jitratta dan kollu.

Iżda kif dan kollu se jgħin biex il-ħobża ta’ kuljum tal-individwu tittejjeb?

L-ekonomija ta’ pajjiżna fl-aħħar snin, fost in-niċeċ kbar, hemm dik tal-għotja ta’ servizzi, fosthom dawk finanzjarji u l-gaming. Il-ġid qed jinħoloq fuq l-għotja ta’ servizz, u dawn is-servizzi, biex isiru, jeħtieġu l-finanzi, jeħtieġu xi forma ta’ transazzjoni ta’ flus.  

Anki jekk ma tħaddanx prinċipji Nazzjonalisti, tifhem li la ġejna fuq il-lista l-griża tal-FATF, dan ġara, minħabba xi ħaġa ħażin. Minn mindu ġejna mniżżla fuq din il-lista, Malta ġiet aktar taħt il-lenti.

Esperti qed jisħqu li dan kollu se jkun qed jaffetwa aktar ir-reputazzjoni ta’ Malta, mhux biss ta’ issa, imma ta’ għada u pitgħada. Din ir-reputazzjoni ħażina se tkun qed tħalli impatt primarjament fuq is-settur finanzjarju, iżda wkoll fuq setturi oħra li jħaddmu lil eluf ta’ Maltin, setturi li jagħtu x-xogħol lil ħafna.

Il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-abbozz se tkun qed tgħin biex Malta toħroġ minn din il-lista mill-aktar fis. Għax aktar ma nibqgħu f’din il-lista, aktar hemm riskju li l-investiment f’pajjiżna jitnaqqas jew ma jsirx, b’dan ifisser li jkun hawn anqas xogħol, jew telf ta’ impjiegi.

Il-platitudni tal-kelma korruzzjoni

Illum il-ġurnata, irridu jew ma rridux, nafu li l-kelma korruzzjoni saret f’waqtiet waħda ta’ platitudni, jiġifieri li daqs kemm ilha tingħad saret xi ħaġa komuni, tilfet it-tifsira u għalhekk wieħed qed iwarrabha.

L-ammont ta’ skandli li laqtu lil pajjiżna fl-aħħar snin, sfortunatment għenu biex dan isir, bil-mentalità tal-Gvern ta’ xejn mhu xejn, tkompli tisħaq dan is-sentiment. Infatti f’waqtiet il-platitudni f’dan il-kuntest anki tirkeb lilna.

L-aħħar tmien snin iżda ta’ Gvern Laburista ġabu episodji ta’ tixħim, skandli u inġustizzja, bil-Gvern f’waqtiet ittamma’ r-ross bil-labra, u l-ġid li jimplimenta, jpinġih kbir, filwaqt li l-vera kobor tal-ġid imur għand dawk l-aktar viċin tiegħu, minflok imur għand il-poplu kollu.

Il-korruzzjoni ġabet dan kollu. Minflok il-poplu kollu kien qed jigwadanja mill-flus li jinġabru mit-taxxi tagħna, qed igawdu biss dawk tal-qalba.

Preżentament din il-platitduni hija waħda mill-battalji tal-PN, bil-mod kif inwasslu l-messaġġ u nagħmlu l-politika tagħna irid jibqa’ jiġġedded, b’lingwaġġ li jinftiehem. Konvint li bil-galbu naslu.

Abbozz ta’ liġi li jkattar id-diskussjoni

Dan l-abbozz ta’ liġi, jekk isir se jkun qed jimplimenta ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia bi skop li noffru aktar sigurtà u serħan il-moħħ f’pajjiżna.

Aħna mhux lesti li nitilfu l-impjiegi tan-nies, għalhekk din il-leġiżlazzjoni hija strumentali għal kulħadd, għax Malta, bħal kull pajjiż, iżda wisq aktar bħala pajjiż ċkejken u fraġli, kollox jaħdem bħal katina. Jekk pajjiżna jibqa’ fuq il-lista l-griża, l-ambjent tax-xogħol f’Malta se jkun qed jinbidel. Se jbiddel anki dak li jsibu żgħażagħ bħali u iżgħar minni fid-dinja tax-xogħol jew anki fl-ambitu ta’ opportunitajiet ta’ studju.  

Bħala Maltin kapaċi

Nemmen bis-sħiħ fil-potenzjal tagħna l-Maltin. Poplu mimli talent li lest li jindirizza kull sfida. M’għandniex inħallu żbalji ta’ indvidwi jiddettaw il-futur tagħna. Kemm il-futur tal-ġenituri tagħna u kemm ta’ uliedna. Dan l-abbozz jeħtieġ jingħata widen biex fuq kollox permezz tiegħu ngawdu lkoll bħala poplu wieħed, Malti u Għawdxi. Għalhekk nappella biex il-Gvern ma jibqax jinjora dan kollu.

James Aaron Ellul

About

Gradwat bl-Unuri fil-Malti. Ġurnalist @netnewsmalta. Minority Leader @KLFloriana. Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq l-1 Distrett.