Il-ħaddiem Malti bil-paga staġnata waqt li Abela u sħabu tal-qalba bil-paga rduppjata. Għalik €1.75c, għalih €17,000. Min idabbar 17,000 fix-xahar f’konsulenzi mill-Gvern ma jistax iħoss il-weġgħa tan-nies, u wisq anqas jista’ jindirizzaha.

Dan kif il-messaġġ tal-konferenza stampa tal-Partit Nazzjonalista mmexxija mill-Kelliem Ewlieni Peter Agius flimkien mal-kandidati Rebekah Cilia u Darren Carabott.

Bil-Partit Laburista fil-Gvern għal dawn id-disa’ snin, id-dħul ta’ Robert Abela u tal-ftit tal-qalba miegħu żdiedu b’aktar minn 100% filwaqt li l-paga tal-ħaddiem Malti żdiedet biss 4% li lanqas biss ikopru l-għoli tal-ħajja li f’Diċembru kien ta’ 4,9% fuq l-ikel biss.

Abela, Carmen Ciantar u ftit oħrajn tal-qalba mal-Partit laburista rdoppjaw id-dħul tagħhom bil-labour mentri eluf ta’ ħaddiema Maltin u Għawdxin baqgħu fejn kienu jew marru lura.

Dan joħroġ ċar mil-Labour Force Survey tal-NSO li juri li f’għaxar snin, id-dħul tal-ħaddiem żdied biss b’ €505 euro u cioe 4% meta tqabbel is-snin 2011 mas-sena 2021. Dan meta l-għoli tal-ħajja għal Diċembru biss żdied b’4,9%. Dan ifisser li l-paga tal-ħaddiem Malti hija effettivament staġnata, filwaqt li d-dħul ta’ dawk tal-qalba irdoppja jew trippla bħar-retainer ta’ Abela u l-paga ta’ Carmen Ciantar.

Il-pagi f’pajjiżna marru lura meta tqis l-għoli tal-ħajja. Baġit wara l-ieħor ta’ Gvern Laburista konsistentement naqsu milli jindirizzaw il-vera piżijiet fuq il-ħaddiema, tant li filwaqt li għalih ħa 17,000 għalik sab biss 1,75c euro. 

Issa jrid mingħalih jgħamina bic-cheque ta’ 100 euro, u cioe 8 euro fix-xahar meta l-prezz tal-ikel sploda u meta jinsisti li ma jaghtix lura s-serq fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. ‘Too little, too late’. Mossa tal-elezzjoni b’miżuri li fil-gran parti tagħhom diġà ġew imħabbra b’pompa kbira fil-baġit. Robert Abela irid itina s-soppa msaħħna metri għalih warrab 17,000 fix-xahar. 

Dan huwa r-riżultat tal-politika tal-labour rappreżentata mill-motto : ‘Aħtaf kemm tiflaħ sakemm qegħdin fil-poter’. Din il-politika tara li jiffangaw kemm jifilħu il-ftit magħżula li jaqdu l-partit laburista u mbagħad titraskura kompletament il-bżonnijiet taż-żgħir u ta dawk li mhumiex fil-grazzja tal-Ministri. Għalhekk lilek tak 1,75 c biss żieda għax dak jibqa’ għalik wara li jieklu tal-qalba.

Gvern ġdid Nazzjonalista jaħdem differenti. Bħal ma jinsisti l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, aħna npoġġu lilek fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni.

Tgħallimna mill-iżbalji tal-passat. Il-messaġġ tal-poplu għall-bidla fhimnieh u qed naraw li nipproponu politika li tpoġġik fiċ-ċentru. Nibdew mill-għoli tal-ħajja u l-pagi tal-ħaddiema: Gvern ġdid Nazzjonalista jara li pajjiżna jimxi lejn living wage fejn id-dħul tiegħek effettivament jirrifletti l-bżonnijiet tiegħek, fejn inti taħdem biex tgħix mhux tgħix biex taħdem. Dan irid isir pari passu ma investiment qawwi fuq il-kompetittività tal-ekonomija Maltija, inkluż mil-miżuri mħabbra fejn aħna ser ngħinu lil kull min jesporta u jimporta li jikkompeti fuq livell internazzjonali. 

Gvern ġdid Nazzjonalista jara li jkun hemm monitoraġġ kontinwu u serju tal-qagħda tal-faqar f’pajjiżna b’poverty watch li effettivament tintervjeni fejn meħtieġ.

Gvern ġdid Nazzjonalista jara wkoll li l-paga tiegħek tevolvi biż-żmien għax jevolvu wkoll il-ħiliet tiegħek, b’investiment bla preċedent fuq it-taħriġ u l-upskilling tal-ħaddiem Malti biex Malta tassew taħtaf l-opportunitajiet kollha tar-revoluzzjoni diġitali. Skont studji Ewropej hemm 40% tal-workforce fl-Ewropa li tista tkun mhedda mid-digitalizzazzjoni u r-robotika li mistennija jinfirxu dejjem aktar fl-għaxar snin li ġejjin. Għal dan jeħtieġ nirrispondu b’politika serja bi pjan fit-tul li jinvesti fuq il-ħiliet tal-ħaddiem Malti u jara li dawn jiġu aġġornati kontinwament. 

Min idabbar 17,000 fix-xahar f’konsulenzi mill-Gvern ma jistax iħoss il-weġgħa tan-nies, u wisq anqas jista’ jindirizzaha. Għalhekk, waqt li pajjiżna dieħel f’sena ta sfidi importanti bl-għoli tal-ħajja li qed jagħfas fuq l-eluf tal-familji Maltin u l-ekonomija Maltija taħt stress minn diversi bnadi, partikularment bit-tmexxija ħażina tal-Gvern Laburista li poġġa lil Malta fil-lista l-griża, min ikisser ma jistax isewwi, min ħsiebu biex jaħtaf għalih huwa aljenat wisq biex isib is-soluzzjonijiet għalik. Min għandu is-siġġu misluf u jinsab mhedded ma jistax jikkonċentra fuq il-bżonnijiet tiegħek.  

Irid ikun Gvern ġdid Nazzjonalista li jsewwi r-reputazzjoni ta’ Malta, li jara li l-ekonomija taħdem għalik u li jifforma kull politika bik fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni.

 

03.02.2022

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt