Fil-jiem li għaddew ippublikajt artiklu fejn ktibt fuq ir-responsabbilta’ ta’ persuni li jaħdmu fiċ-ċivil. Dawn il-persuni, fosthom Segretarji Permanenti, mhux biss huwa xogħolhom li jieħdu d-deċiżjonijiet imma għandhom id-dmir u l-obligu li fejn jaraw deċiżjonijiet ħżiena jwaqqfuhom.

Dan għandhom jagħmluh dejjem. Anzi, għandhom jagħmluh l-aktar jekk id-deċiżjonijiet ħżiena jkunu ġejjin mill-Ministri jew persuni qrib tagħhom. Għax il-politiċi huma “għasafar tal-passa” imma r-responsabilta’ aħħarija taqa’ fuq in-nies li jmexxu ċ-ċivil. Huma l-għassies taċ-ċivil.

Ir-reazzjoni li kelli għal dak li ktibt kienet waħda li għamlitli ħafna kuraġġ. Mhux biss għax kelli feedback tajjeb ħafna imma l-aktar, għax kitbuli numru ta’ nies li minħabba l-pużizzjoni tagħhom illum jew fil-passat, mhux soltu juru xi tip ta’ reazzjoni, speċjalment lejn dak li jgħidu jew jiktbu persuni fil-politika.

Nies b’esperjenza wiesgħa fiċ-ċivil jafu li l-iskandli kollha li ħakmu lil pajjiżna f’dan l-aħħar żmien setgħu twaqqfu, u messhom twaqqfu, mill-għola persuni taċ-ċivil. Għawnhekk tajjeb li nfakkru li d-dmirijiet u l-obligi ta’ min imexxi d-dipartimenti differenti tal-Gvern huma elenkati iswed fuq l-abjad fil-liġijiet ta’ pajjiżna.

Dan ifisser li s-Segretarji Parlamentari u nies oħra ta’ awtorita’ fiċ-ċivil għandhom mhux biss l-obligu morali u etiku imma huma marbutin ukoll bil-liġi.

Ħarsa lejn Kapitolu 595 tal-liġijiet ta’ Malta, l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, fl-iskeda tal-Kodiċi tal-Etika, insibu s-sezzjoni tal-Lealtà.

Paragrafu 14 jgħid li, “Impjegati pubbliċi u membri ta’ bordijiet għandhom:(a) josservaw il-Kostituzzjoni u l-liġi; (b) jobdu policies u direzzjonijiet uffiċjali; (ċ) jipprovdu pariri li jkunu oġġettivi, infurmati u mingħajr  tlaqliq  dwar  ħwejjeġ  li  jaqgħu  fil-kompetenza tagħhom; (d) jimplimentaw  b’mod  effiċjenti  u  effettiv  il-policies tal-Gvern ta’ Malta; u (e) jaġixxu  konformement  ma’  kull  direzzjoni leġittima,  mogħtija  bil-miktub  jew  bil-fomm mis-superjuri tagħhom.”

Iżda, paragrafu 15 jgħid ukoll li, “Minkejja   d-dispożizzjonijiet   tal-paragrafu   14(e), impjegati pubbliċi jew membri ta’ bordijiet li jemmnu li hemm modi aħjar sabiex jintlaħqu l-objettivi jistgħu, u saħansitra  huma  mistennija  li, iġibu dan  kollu  għall-attenzjoni  tas-superjuri  tagħhom  qabel  ma  jġibu  l-istruzzjonijiet  fis-seħħ;  u,  jekk  iħossu  li  ngħataw direzzjonijiet bil-fomm li jmorru kontra l-Kodiċi ta’ Etika jew mhumiex xierqa għal xi raġuni oħra, jistgħu jitolbu li dawk l-istruzzjonijiet jingħataw bil-kitba.”

Hija loġika li nistaqsu jekk is-Segretarji Permanenti fil-Ministeri differenti minn fejn ħarġu l-ikbar skandli ta’ korruzzjoni f’pajjiżna, kellhomx istruzzjonijiet bil-miktub? Talbu biex jingħataw istruzzjonijiet bil-miktub? Ġabu dan kollu għall-attenzjoni tas-superjuri tagħhom? Jekk le, għaliex? Jekk iva, minn min ġabu l-istruzzjonijiet?

Dawn il-mistoqsijiet leġittimi rridu nagħmluhom lil Ronald Mizzi per eżempju, li kien is-segretarju permanenti li kellu Konrad Mizzi fiż-żmien li kien Ministru. Illum is-sur Mizzi għadu jokkupa l-istess kariga imma din id-darba fil-Ministeru tat-Turiżmu.

Importanti nkunu nafu x’kien jaf is-Segretarju Permanenti Mizzi fuq il-ftehim skandaluż fuq l-Isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-isptar t’Għawdex mal-VGH u wara ma’ Steward Health Care. Tajjeb li jispjega wkoll kif ittieħdu d-deċiżjonijiet marbuta mal-Electrogas.

Ma ninsewx li fil-konklużjoni tagħhom, it-tlett imħallfin tal-inkjesta pubblika, sabu li kien hemm rabta diretta bejn l-operat tal-Gvern u l-iskandli li kixfet Daphne Caruana Galizia, u li wasslu għall-qtil makabru tal-ġurnalista.

Parti mill-operat tal-Gvern huwa f’idejn il-Ministri, imma magħhom, jieħdu d-deċiżjonijiet hemm ukoll l-għola awtoritajiet taċ-ċivil fosthom Segretarji Permanenti. Dawn ukoll iridu jagħtu rendikont ta’ għemilhom illum jew għada mal-poplu kollu.

Claudette Buttigieg

About

Deputy Speaker Parliament of Malta.Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq it-12 u it-13 Distrett.