1. Id-diska tal-Gvern nbidlet u nqalbet f’din il-ġimgħa. M’ għadniex nisimgħu kemm kollox sejjer tajjeb u perfett imma beda jitbexxaq l-bieb biex toħroġ l-verità. Hemm realtà li f’dawn l-aħħar snin inħarbet li issa ġejja lura bis-saħħa li jixirqilha. Politika tajba ssir jekk tirrispetta l-verità u l-fatti u ma taħrabhomx. Miżuri tajbin jittieħdu jekk iktar minn dan jirrispettaw l-intelliġenza tal-poplu l-ewwel u t-tieni jekk jittieħdu miżuri li huma konformi mal-ġustizzja soċjali. Ġustizzja li qabel tidher li qed issir trid fil-fatt tkun qegħda issir nkella jkun hemm apparenza ta’ ġustizzja soċjali.

Prova tal-falliment?

2. Forsi iktar minn hekk ħareġ iktar dak li huwa l-falliment tal-Gvern li jaġġorna l-istat soċjali għall-esiġenzi tal-lum. Punt li ilna nsostnu. Għax il-proċeduri passati, dawk li kienu jagħmlu sens għall-bżonn tas-soċjetà ta qabel llum għandhom jiġu aġġornati. Għandna iktar bnedmin li jinsabu fi stat ekonomiku u soċjali ħażin. Għandna faqar ġdid u differenti li jrid risposti sostenibbli imma kostanti. Sija minħabba l-pandemija, sija minħabba Brexit, però l-iktar minħabba l-korruzzjoni li ġiebna fil-grey listing. M’huhiex biżżejjed li wieħed joħroġ ħlas ta’ darba u jieqaf hemm. Hemm bżonn analiżi aktar fil-fond sabiex l-istat soċjali jwieġeb għar-realtà tal-lum.

L-għoli tal-ħajja

3. Huwa l-pajjiż, il-poplu kollu li qiegħed jgħaraf li l-ħajja għoliet u ser tibqa tgħola. Ħadd ċertament ma jista jiċħad dan u hemm tbgħatija li ħierġa jum wara jum. Waħda li ħafna fid-dinjità silenzjuza tagħhom għaddejjin minnha. Ħafna li ma jitkellmux u jridu jgħattu li qed jixtru inqas, jieklu differenti u ma jlaħħqux ma dak li kienu. Mingħajr ma rridu qed nibdew naħsbu li wasalna mal-bidu tas-seba snin ta’ għaks. Wara li għamilna snin fejn mill-ġid nazzjonali flok kien hemm tqassim aħjar u ġust kien hemm diversi li ħaxxnu bwiethom. Sfortunatament dik hija s-sitwazzjoni u huwa għalhekk l-Gvern preżenti mmexxi kif inhu ma jistax ħlief jgħamel pagamenti ta’ darba.

Temperatura differenti

4. Hawn min qiegħed jara dan iktar fix-xenarju fejn it-temperatura politika bdiet tiela. Evidenti ħafna b’dak li għaddej. Hemm vuċijiet ta’ rabja li m’ humhiex isibu fatturi li jikkalmawhom, li wieħed irid ikun attent għalihom. Kurrenti soċjali li bħall-vulkani ma għandniex kontroll tagħhom. Jieħdu meta ma nistennewx u ma huhiex biżżejjed li jinxteħet l-ilma darba. Iktar u iktar meta dawk li ħadu baqgħu jieħdu u mhux ħadu sehem darba. Il-pajjiż qiegħed imiss pożizzjonijiet li f’ras il-poplu ma jarax wisq sens salv li huwa tqiegħed fil-ġenb. Flok ingħata każ ingħataw każ ftit persuni.

70 Miljun

5. Dan huwa l-isfond li fih wieħed irid iħares u jqis l-għotja ex gratia tal-Gvern tul din il-ġimgħa. Mingħajr ma wieħed irid jiftakar f’dak li l-Imperaturi Rumani kienu jagħmlu minn żmien għal żmien. Imma aħna m’ aħniex fil-perijodu imperjali imma taħt sistema demokratika li titlob kont u trasparenza. Biex inħarġu dawn il-flus hemm ammissjoni ċara li l-pożizzjoni soċjo-ekonomika hija ħażina. Biss iktar gravi hemm l-għarfien tal-fatt li dak li qed iseħħ ma hemmx biex wieħed iwieġeb għalih. Jista’ jkun hemm min jidħol għaliha u jaċċetta li hemm “rigal” li qed jingħatalu imma l-pożizzjoni hija differenti.

Amissjoni ċara

6. Hemm iktar f’dan l-ammissjoni li l-istat tal-affarijiet huma mhux wisq tajjeb. Iktar u iktar meta dan ir-rigal qiegħed jingħata lil kategoriji differenti fil-klassijiet soċjali. U dan jindika li ma hix miżura biex iċċaqlaq l-ekonomija u fir-retorika li ilna nisimgħu imma biex ttaffi temporanjament għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja. Dan ser jaggrava u jiftah l-ispazju biex jiġi ffissat appuntament elettorali meta huwa mistenni li parti mis-soċjeta tirċievi dawn il-ħlasijiet. Pass li jimmina iktar il-proċess demokratiku fis-sens li l-mizuri bħal dawn iridu jkunu ppjanati sew u mhux magħmula fi spirtu reattiv.

Hemm kriżi

7. F’dan huwa iktar ċar li hemm kriżi għaddejja fil-Gvern li qiegħed iżomm lilu innifsu milli jaqa. Hemm diffikultajiet varji li qed joħorgu li minn din il-miżura waħidha juri li m’ huhiex magħqud u kapaċi jsolvi sew. Hemm kurrenti interni varji li qed iġibu iktar instabbilitajiet. Iktar persuni qegħdin jgħarfu dan anki jekk m’ humhiex neċessarjament konvinti minn dak li aħna bħala oppożizzjoni qed noffru. Iktar qed jifhmu li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar hemm bżonn bidla biex verament l-affarijiet jibdew proċess lura lejn in-normalità. Il-Gvern qiegħed fl-inabilità li jsalva s-sitwazzjoni li f’ħafna parti ġieb huwa stess u jista jġedded l-ħajja tiegħu b’dawn it-tip ta’ miżuri.

Il-bidla neċessarja

8. Nistgħu għandna d-diffikultajiet umani tagħna, jista’ jkollna ukoll żvantaġġi oħra imma l-bidla għandha ċerti vantaġġi. L-ewwel wieħed jistabilixxi x’verament huwa l-istat tal-ekonomija tal-pajjiż. It-tieni li jieqaf iċ-ċirku ta’ korruzzjoni li daħal kullimkien. It-tielet li wieħed jkun jista’ jagħti saħħa u l-arja lill-istituzzjonijiet demokratiċi biex jaħdmu. Ir-raba’ sabiex ikun hawn lura ordni u ġustizzja fil-pajjiż. Il-ħames u l-iktar importanti sabiex il-ġustizzja soċjali tidħol lura u twieġeb għad-diffikultajiet ta’ dawk li huma l-iktar l-isfel fis-soċjetà tagħna. Is-sitta sabiex ma jkunx hemm iktar Gvern li għandu l-linja ta’ amministratur imma ta’ dak ta’ riformatur.

Ir-raġuni ma tridx forza.

9. F’dan għandna nibqgħu is-segwaċi tal-politika t-tajba dik li tħares li titwettaq bir-raġuni. M’ hemmx lok għall-estremiżmi jew diskors żejjed jew li jistiga lejn aġir żbaljat. Kull persuna jibqa li hu fid-dinjità sħiħa tiegħu u huwa parti mill-proċess demokratiku li jitlob li jiġi rispettat. Imma f’dan l-intelliġenza tagħna ma għandhiex tiġi insulentata. Il-pajjiż jinsab fi stat diffiċli u s-soluzzjoni trid tkun fit-tul u li tgħin verament lill-poplu li għandu bżonn qawwi. Ċertament politika li temmen u twettaq verament l-ġustizzja soċjali mhux l-apparenza tagħha.

Carm Mifsud Bonnici

About

Literature Politics Chess