Gvern ġdid Nazzjonalista, immexxi minn Bernard Grech, iwaqqaf Aġenzija li tħares it-tibdil fil-klima – entità waħda ffukata fuq l-isfidi u biex tara li jkunu implimentati l-miżuri li jkunu meħtieġa.

Dan tħabbar mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, kif ukoll Whip tal-Grupp Parlamentari, Robert Cutajar matul konferenza tal-aħbarijiet, fejn indirizza l-mod kif il-Partit Nazzjonalista ma jrid biss jikkritika n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern, iżda jippreżenta l-proposti tiegħu.

Robert Cutajar qal li din l-entità hi meħtieġa ladarba llum għandna Gvern b’Ministru jgħid mod u Ministru ieħor jgħid mod ieħor. Barra minhekk, il-Partit Nazzjonalista jrid jara li tispiċċa l-kultura tax-xejn mhu xejn.

Hu kompla li f’disa’ snin, il-Gvern Laburista ma ħa l-ebda miżura diretta biex jintlaħqu l-miri dwar it-tibdil fil-klima. Minflok, qatt daqs dawn is-snin ma rajna l-Ambjent sejjer lura.

Is-sitwazzjoni mwegħra li jinsab fiha dan is-settur importanti ħarġet ukoll mill-istħarriġ tal-EY, li wera kif 90 fil-mija taż-żgħażagħ iddikjaraw li fl-aħħar snin l-Ambjent mar għall-agħar.

Fid-dawl ta’ dan, staqsa kif jista’ l-Gvern ta’ Robert Abela jkun kredibbli dwar dan is-settur meta l-entitajiet tal-Gvern ma jafux x’qed jagħmlu bejniethom.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem għall-Ekonomija l-Ħadra David Thake qal li, quddiem l-isfidi dwar it-tibdil fil-klima, pajjiżna għandu bżonn ta’ viżjoni ċara, li qed joffriha biss il-Partit Nazzjonalista. Spjega li bil-politika tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jrid idawwar dawn l-isfidi f’opportunitajiet.

David Thake kompla li jekk irridu nkunu ta’ quddiem fil-politika ambjentali, irridu nkunu serji. Dan meta għandna Gvern Laburista li għejja u qata’ qalbu milli jipprova joħroġ bl-ideat.

Min-naħa l-oħra, l-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa wkoll iddikjarat li l-arja f’pajjiżna hi perikoluża għal dawk li jgħixu fil-gżejjer tagħna, fost l-oħrajn b’zoni li jaqbżu l-200 darba l-livell aċċettabbli ta’ tniġġis.

Filwaqt li fakkar kif il-Gvern ta’ Robert Abela qed jikkopja proposti tal-Partit Nazzjonalista – bħas-servizz ta’ trasport b’xejn – fl-ebda waqt ma qal kif se jagħmel servizz effiċjenti. Min-naħa l-oħra, tenna kif il-Gvern Laburista qed jagħmel ftit li xejn u xogħol ta’ kafkaf dwar l-elektrifikazzjoni tal-vetturi, fost iż-żieda fit-tniġġis fl-arja li qed tirriżulta mit-trasport kif nafuh illum.

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt