ŻOMM AĠĠORNAT:
Gvern li ma jafx xi tfisser governanza tajba
“Għandna Gvern li ma jafx xi tfisser governanza tajba, li ħatar nies fil-bord tal-Awtorità tal- Ippjanar li jidhrilhom li ma jattendux għal-laqgħat, imma jidhrilhom li għandhom ikunu assenti jew xi ħadd jiddeċiedi minflokhom li għandhom jinġiebu fl-inqas ħin possibbli b’jet privat.”, hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.
Dr Delia qal li jeħtieġ li ssir investigazzjoni indipendenti li tistħarreġ għalfejn intefqu €8,590 mill-Awtorità biex membru tal-bord, li hija wkoll Direttriċi fid-Dipartiment tal-Kuntratti, kellha tinġieb Malta meta din kienet taf li kien se jkun hemm laqgħa fejn kellha tivvota dwar il-proġett ta’ Pembroke. Dan meta kienet fuq btala fi Sqallija. Huwa qal li dan il-każ tal-kiri ta’ jet privat b’infiq ta’ fondi pubbliċi, ġab miegħu ammont konsiderevoli ta’ mistoqsijiet li l- Awtorità tinsab fid-dmir li twieġeb.
Adrian Delia qal li għandna Gvern li jaħtar membri fil-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li ma jiddikjarawx li għandhom kunflitt ta’ interess. Għandna Awtorità fejn il-Kap Eżekuttiv jgħid li għamel tajjeb imma jekk il-Prim Ministru u l-Ministru ma kienux kuntenti ‘ikun iblah jekk jerga jagħmel hekk’. Issa l-Awtorità trid tispjega kemm tonfoq fl-ivjaġġar u kemm qed tonfoq għall-ippjanar.
Dr Delia qal li l-Ministru Ian Borg, li huwa responsabbli mill-Awtorità tal-Ippjanar, wara li wiegħed li se jieħu azzjoni wara li jkollu l-fatti baqa’ ma ħa l-ebda azzjoni. Jaf li sar il-ħażin u se jħallih għaddej. Huwa qal li għandna l-Prim Ministru Joseph Muscat li jgħid li ma nfurmawhx bid-deċiżjoni, ma jgħidx jekk kellhomx jinfurmawh, meta u għalfejn kellhom jinfurmawh, jippretendiex li jinfurmawh biss bl-infiq jew anke dwar permessi, għadu ma ħa l- ebda azzjoni u ma qalilna xejn dwar x’se jagħmel minkejja li dak li sar diġà ikkundannah.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan huwa każ ieħor fejn il-Gvern jaħtaf l-awtoritajiet billi jpoġġi esponenti tiegħu li jkunu servili lejh. Dan bħalma l-Gvern ħataf pożizzjonijiet ta’ awtorità fosthom il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.
Adrian Delia qal li fid-dawl ta’ dawn il-mistoqsijiet kollha u issa wara li tkellmu l-Kap Eżekuttiv, il-Prim Ministru u l-Ministru, li mhux talli wieġbu, imma esponew aktar in- nuqqasijiet. F’ġieħ it-trasparenza u l-governanza tajba għandha minnufih issir investigazzjoni li tkun verament indipendenti sabiex jiġi mistħarreġ issa mhux biss dwar dan il-każ imma l- operat, it-tmexxija u l-infieq fl-Awtorità tal-Ippjanar. In-nies qed jistennew li jkunu jafu l- verità kollha.
28.09.2018