ŻOMM AĠĠORNAT:
Gvern li ma jrid jagħmel xejn f’mument fejn għandu jiddeċiedi
In-nies għandu jkollhom is-serħan tal-moħħ li qed jgħixu f’pajjiż normali
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Gvern mhux jifhem l-urġenza li ssir diskussjoni fi żmien meta n-nies iridu jkunu jafu l-verità sħiħa. Dan wara li d-Deputat Speaker Claudette Buttigieg tat ruling u aċċetat it-talba ta’ Dr Delia biex il-Kamra tiddiskuti allegazzjoni serja li saret fil-konfront tal-Ministru Chris Cardona.
Dr Delia reġa’ staqsa jekk Joseph Muscat kienx jaf bl-allegazzjoni li ġiet ippubblikata fuq it- Times of Malta fuq il-Ministru Chris Cardona, bħala parti minn The Daphne Project. Huwa staqsa wkoll x’għamel Joseph Muscat jekk kien jaf u jekk hux veru li l-Ministru Chris Cardona ltaqax mal-aħwa Degiorgio qabel u wara li l-qtil tal-ġurnalista.
Minflok saret investigazzjoni serja u indipendenti fuq din l-allegazzjoni serja fuq il-Ministru Cardona, minflok il-Kummissarju tal-Pulizija sejjaħ għad-Deputat Nazzjonalista Simon Busuttil.
Adrian Delia qal li n-nies qed jitolbu li ssir ġustizzja u l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il- vuċi tan-nies. Dan għaliex il-Gvern qed idaħħal kultura ta’ impunità, fejn ħadd ma jġorr ir- responsabbilità, meta għandu l-obbligu li jwieġeb għall-mistoqsijiet li qed jagħmlu n-nies u jridu li ssir ġustizzja.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li sitt xhur ilu, wara l-qtil ta’ Caruana Galizia, l-Partit Nazzjonalista kien qal li l-Kummissarju tal-Pulizija kellu jirriżenja u li l-Avukat Ġenerali kellu jassumi r- responsabbilità. Dan kellu jsir sabiex l-Istituzzjonijiet f’Malta jidhru li qed jaħdmu mingħajr indħil politiku. Huwa qal li fis-Slovakkja, fejn inqatel ġurnalist, waslu r-riżenja u ttieħdet ir- responsabbilità iżda dan ma sarx f’Malta u għalhekk f’għajnejn id-dinja qed nidhru li għandna demokrazija li qed tiffunzjona.
Adrian Delia qal li meta l-Gvern ikun dahru mal-ħajt flok iwieġeb għall-mistoqsijiet tan-nies, jibda jipponta subajgħ lejn persuni oħra. Minflok iddiskutew l-akkużi serji fil-konfront tal- Ministru Chris Cardona, id-Deputati tal-Gvern attakkaw lil Adrian Delia. Il-Kap tal- Oppożizzjoni sfida lin-naħa tal-Gvern biex jekk għandhom xi informazzjoni ta’ xi ħaġa ħażina fil-konfront tiegħu jitolbu lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestigah u hu lest li jikkopera għax hu m’għandu xejn x’jaħbi.
Dr Delia tkellem ukoll fuq l-aħħar rapporti li dehru fit-Times of Malta dwar tranżazzjonijiet ta’ flus li allegatament jinvolvu Ministru tal-Gvern u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u qal li l-Gvern ma jistax jibqa’ jaljena lin-nies qisu kollox ‘business as usual’. In-nies iridu s-serħan tal-moħħ biex ir-reputazzjoni ta’ Malta tibqa’ imħarsa u jintilfux ix-xogħol.
18.04.2018