Hija ta’ diżappunt l-aħbar dwar il-Maratona ta’ Malta u l-fatt li l-awtoritajiet ma tawx l-għajnuna meħtieġa lill-organizzaturi biex dan l-avveniment ikun jista’ jsir.

Transport Malta imponiet lill-organizzaturi li jużaw ir-rotta li proponiet hi minflok ir-rotta li ilha tintuża għall-aħħar tnax-il sena. Dan l-atteġġjament min-naħa tal-Gvern juri kif ċertu setturi bħal dak sportiv mhumiex prioritá. Din l-attitudni ma wasslitx biss għad-diżappunt tal-organizzaturi imma wkoll għad-diżappunt ta’ mijiet ta’ parteċipanti li wħud minnhom saħansitra jiġu minn barra ‘l pajjiż.

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq biex tinstab soluzzjoni fl-immedjat biex dan l-avveniment li jattira l-eluf ikun jista’ jsir.

Din l-attitudni tal-Gvern qed tkun riflessa wkoll f’bosta setturi oħra inkluż dak kulturali. Tant li fl-aħħar ġranet rajna diversi produtturi tal-films jisħqu li lesti jmorru jkompli ħidmithom barra ‘l pajjiż jekk mhux se jingħataw l-għajnuna meħtieġa.  Il-Gvern fl-aħħar ġimgħat għażel li jonfoq €2.4 miljun waqt festival li kien ta’ vetrina għal numru ta’ ministri minflok għin lill-dawk li jaħdmu fis-settur b’finanzjament diċenti li jkopri l-bżonnijiet ta’ dawk li jaħdmu u jridu ġid lill-industrija.

Dawn id-deċiżjonijiet ikomplu jikkonfermaw kemm Robert Abela hu maqtugħ minn dak li jridu n-nies.

 

15.02.2022

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt