“Il-Partit Nazzjonalista huwa sinonimu mal-edukazzjoni. L-edukazzjoni hu settur għal qalbna. Għandna track record mill-aqwa f’dan is-settur u ninsabu mħejjija biex inkomplu nibnu u ntejbu dan is-settur tant kruċjali.” Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’konferenza tal-aħbarijiet.

Bernard Grech irringrazzja lill-għalliema tal-ħidma li wettqu tul il-pandemija u tal-ħidma li jwettqu kuljum fil-formazzjoni ta’ wliedna.   L-għalliema għamlu dan kollu minkejja r-riskji għalihom u għall-għeżież tagħhom.

Gvern Nazzjonalista mhux se jgħid grazzi bil-kliem biss, imma wkoll bil-fatti.  Bernard Grech stqarr li flimkien ser nagħmlu bidla radikali fil-finanzjament tal-edukazzjoni fejn l-allokazzjoni għall-ispiża f’dan il-qasam ser tibqa’ tiżdied sena fuq oħra, ibbażata fuq formula li tkun marbuta mat-tkabbir fil-GDP tal-pajjiż. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħabbar li se jitjiebu b’mod sostanzjali l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi fuq il-livelli kollha bil-għan li jiġu inċentivati aktar professjonisti biex jidħlu għal dan l-impenn kruċjali għall-futur tat-tfal tagħna. Dan ser isir permezz ta’ titjib sostanzjali fis-salarji, miżuri li jtejjbu l-bilanċ bejn il-familja u l-professjoni kif ukoll inċentivi li jappoġġjaw it-taħriġ professjonali kontinwu.

Bernard Grech ħabbar ukoll li ser jitwessgħu t-tqassim tal-ikel frisk u bnin fl-iskejjel u nipprovdu nutrizzjoni aktar sana u strutturata fl-iskejjel primarji u sekondarji kollha, bil-għan ewlieni li nħeġġu u nħajru stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa u niġġieldu l-obeżità minn etajiet żgħar.

“Niftħu skola sekondarja speċjalizzata ġdida kull sena biex inħajru u nixprunaw iżjed tfal u żgħażagħ jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom fl-oqsma li jaspiraw li jirnexxu” stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Huwa spjega li se niżguraw li l-ewwel speċjalizzazzjonijiet ikunu fit-teknoloġija diġitali, il-metaverse u d-dinja virtwali; fit-teknoloġija tal-manifattura u r-robotika u fl-arti u l-kultura.

Aħbar oħra li ta Bernard Grech kienet li flimkien miegħek ser infasslu u nwettqu Programm ta’ Eċċellenza fl-Apprendistat li permezz tiegħu nissieħbu ma’ operaturi ewlenin li għandhom kapaċitajiet tekniċi ppruvati u rikonoxxuti. Huwa saħaq li minbarra li nipprovdu l-qafas ta’ dan il-programm fil-qafas operazzjonali tal-MCAST sejrin ukoll: 

  1. Nipprovdu krediti fiskali ta’ 200% għall-investimenti li jagħmlu l-operaturi industrijali fil-programm, li jkunu konformi mal-kriterji ta’ l-ESG. 
  2. Inkopru 35% tas-salarju tal-apprendisti ingaġġati, suġġett li jintlaħqu l-kriterji ta’ suċċess

Impenn iehor li ħabbar Bernard Grech kien li jinfetħu numru ta’ ċentri edukattivi ta’ eċċellenza fis-setturi kollha, mhux biss akkademiċi iżda wkoll sportivi, kulturali u mużikali biex b’hekk nibnu ekosistema wiesgħa ta’ istituzzjonijiet edukattivi ffukati biex isawwru t-talenti fit-tfal tagħna kollha.

Bernard Grech kellu wkoll messaġġ lill-ġenituri. “Irridu nappoġġjawkom fil-formazzjoni tat-tfal tagħkom u għalhekk ser indaħħlu skemi biex ġenituri jkunu jistgħu jnaqqsu mid-dħul taxxabbli, kull miżata tal-edukazzjoni, ħlasijiet għall-attivitajiet extrakurrikulari kif ukoll dawk marbutin mal-isport.”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega kif se tiġi provduta għotja annwali ta’ €300 lill-ġenituri tal-istudenti iżgħar minn 18-il sena li jieħdu sehem f’xi programm estra-kurrikulari strutturat u rreġistrat ma’ assoċjazzjoni konformi mal-ESG tal-għażla tagħhom fl-isport, fil-performing arts u fil-kultura u l-arti.

Inizzjattiva nazzjonali oħra li Bernard Grech lest jintroduċi hija dik li tappoġġa lil kull persuna li tgħix f’Malta jfassal il-programm ta’ żvilupp tat-talenti tagħha fuq bażi personalizzata.

Waqt li kien qed jispjega dawn il-proposti edukattivi, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista fisser kif se jiddaħħal dritt ta’ study leave għal żmien l-eżamijiet għal dawk il-persuni li jkunu jaħdmu full-time filwaqt li jkunu qiegħdin jistudjaw għal kisba ta’ kwalifika minn MQF Level 5 ‘il fuq. 

Proposta prinċipali li ħabbar Bernard Grech hija li bil-għan li nħajjru dejjem aktar studenti li jibqgħu jitħarrġu f’livelli ogħla, matul din il-leġiżlatura, Gvern Nazzjonalista ser iżid l-iStudents’ Maintenance Grants b’25%

Żieda oħra li Bernard Grech ħabbar hija dik ta’ 25% fl-istipendju tal-istudenti li jwettqu volontarjat ma’ xi organizzazzjoni volontarja reġistrata, bħala rikonoxximent għall-kontribut tagħhom lis-soċjetà.

Gvern Nazzjonalista se jagħti vawċer ta’ €500 liż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-21 sena għal ivvjaġġar sportiv jew kulturali, ħalli jwessgħu il-perspettiva sportiva u kulturali tagħhom. 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaliha l-ġurnalisti saqsew il-mistoqsijiet li riedu, Bernard Grech spjega kif ser jissaħħaħ s-settur tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (Further and Higher Education) f’qafas strateġiku biex ikun il-mutur ewlieni talattrazzjoni u l-ħolqien tat-talent lokali u internazzjonali li fuqu ser inkabbru s-setturi ekonomiċi ġodda. 

Proposta oħra pożittiva hija dik li jinfetħu numru ta’ ċentri edukattivi ta’ eċċellenza fis-setturi kollha, mhux biss akkademiċi iżda wkoll sportivi, kulturali u mużikali biex b’hekk nibnu eko-sistema wiesgħa ta’ istituzzjonijiet edukattivi ffukati biex isawwru t-talenti fit-tfal tagħna kollha.

“Bi Gvern Nazzjonalista taraw pajjiż li tridu terġgħu tirritornaw fih, sabiex bil-ħiliet kollha tagħkom tkomplu tagħmluh aħjar lil dan il-pajjiż. Irridukhom tkomplu tkunu parti minn din il-ħolma sabiex naraw pajjiż li jixirqilna; pajjiż li noħolmu; pajjiż li rridu” stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt