Ix-xoghol li ħoloq il-gvern f'Għawdex huwa xogħol bil-pagi baxxi ma kumpaniji li jagħtu servizzi lill-Gvern.  Hawn mijiet ta' Għawdxin jaħdmu ma kumpaniji li imbagħad dawn jieħdu l-miljuni mingħand il-Gvern.  Minn dawn hemm aktar minn 500 ħaddiem.  Gvern ġdid Nazzjonalista jwaqqaf dan kollu u jimpjega lil dawn il-ħaddiema direttament mal-Gvern jew kumpaniji tiegħu u l-flus li qed jieħdu l-kumpaniji jiżdiedu fil-pagi tal-ħaddiema.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ħabbar dan waqt li kien qed jindirizza Rally politiku fix-Xagħra, Għawdex.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-gżira Għawdxija minn dejjem kienet għal qalb il-Partit Nazzjonalista. Saħaq li Gvern ġdid Nazzjonalista jrid li Għawdex isir gżira aktar awtonoma ħalli d-deċiżjonijiet tal-ippjanar, tan-niċeċ ekonomiċi ġodda u ta’ ħafna oqsma li jolqtu lill-Għawdxin, jittieħdu mill-Għawdxin stess. Għalhekk nagħtu lil Għawdex Kunsill Reġjonali elett mill-Għawdxin, b' poteri eżekuttivi u bil-finanzi kollha neċessarji biex jattwa inizjattivi u proġetti.

Saħaq ukoll li gvern ġdid Nazzjonalista jinċentiva bil-qawwi lill-privat biex jattira ħaddiema b' pagi mill-aqwa f'Għawdex stess. Għalhekk Gvern ġdid Nazzjonalista jinvesti wkoll f’servizzi aħjar u nqisu lil Għawdex bħala ekonomija partikolari li teħtieġ pjan ta’ rkupru speċifiku. Nistinkaw biex Għawdex jerġa’ jibda jospita kumpaniji ta’ servizzi speċjalizzati li joħolqu impjiegi ta’ kwalità f’Għawdex stess.

Barra minn hekk, ikun żviluppat hub ta’ edukazzjoni internazzjonali f’Għawdex biex ikunu attirati studenti barranin ta’ livell għoli, filwaqt li jissokta l-investiment f’edukazzjoni ħolistika għal uliedna fil-livelli kollha.

Bernard Grech semma kif Gvern ġdid Nazzjonalista jiżgura li l-industrija turistika Għawdxija terġa’ tieħu l-ħajja wara l-pandemija, tqum fuq saqajn sodi u tissalvagwardja l-ġejjieni tagħha, ħalli terġa’ tkun mutur ekonomiku qawwi għall-Għawdxin. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm id-diskors tiegħu billi qal li Għawdex jeħtieġ bidla immedjata fid-direzzjoni, qabel ma jkun tard wisq. Għal dan il-għan, irridu ninvolvu lill-partijiet ikkonċernati u interessati kollha biex il-pjan jitfassal mill-Għawdxin u mbagħad ikun jista’ jitwettaq fil-prattika mill-Għawdxin stess.

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt