Robert Abela iebes mad-dgħajjef u ħanin ma dawk tal-qalba

Il-Gvern ta’ Robert Abela qed jikkrolla. Kull ma jmur qed joħorġu aktar skandli, b’Robert Abela jaġixxi b’mod differenti ma min jaqbillu. Dawk tal-qalba jibqgħu fil-kariga qisu xejn mhu xejn u dawk li mhux qrib tiegħu imġiegħla jirriżenjaw.

Dan kien il-qofol tal-messaġġ f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-kandidati għall-elezzjoni ġenerali Justin Schembri, Charles Azzopardi u Rebekah Cilia.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet kien deskritt kif fil-każ ta’ Justyne Caruana il-Prim Ministru wera li qed ikaxkar saqajh u qed jiddeċiedi li jiddeċidix, nuqqas ta’ azzjoni li qed tħalli lis-settur edukattiv mingħajr tmexxija għaliex il-ministru moħħha iktar kif se tgħatti xturha milli taġixxi fl-aħjar interessi tal-edukaturi, l-istudenti u s-sistema edukattiva kollha.

Mhux ta’ b’xejn li ħafna ġenituri qed jilmentaw li jinsabu mingħajr informazzjoni ta’ x’ħa jiġri fl-iskejjel f’Jannar anke minħabba ż-żieda qawwija ta’ każijiet ta’ Covid-19. Sitwazzjoni li anke hawn qed jintilef il-kontroll.

Ir-responsabbiltá hi tal-Prim Ministru li jieħu azzjoni u ma jħallix settur tant importanti mingħajr direzzjoni.

Il-kelliema saħqu wkoll kif għandna sitwazzjoni ta’ Membru Parlamentari Laburista Ian Castaldi Paris li mingħalih jista’ ‘jaħrab’ billi sempliċiment ma jikkontestax għall-Elezzjoni Ġenerali, wara li prova jevadi eluf kbar ta’ ewro mis-sistema ta’ tassazzjoni. 

Illum għandna nies li qed jiġu mressqa fuq ħasil ta’ flus għall-każijiet żgħar ħafna relatati mat-taxxa, li jistgħu faċilment jiġu indirizzati bi proċessi amministrattivi, madankollu għax deputat laburista iħossu komdu li jħabbar li mhux se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali biex itina l-impressjoni li ħa l-kastig li ħaqqu, s-sitwazzjoni tieqaf hemm. Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-Pulizija għandha taġixxi u tieħu l-miżuri meħtieġa fil-konfront ta’ dan id-deputat Laburista.

Għandna sitwazzjoni ta’ Prim Ministru li ma min hu dgħajjef jaġixxi imma dawk tal-qalbha jeħilsuha ħafif. Għandna Prim Ministru li qed iħalli l-gvern u l-pajjiż jikkrollaw quddiem għajnejh. Prim Ministru li l-istandards tiegħu jinbidlu għal ma min jaqbillu.

Il-pajjiż għandu bżonn Prim Ministru li kapaċi jiddeċiedi u li jagħmel dak kollu li hemm bżonn biex isem pajjiżna jitnaddaf, Malta tikseb ir-reputazzjoni li dejjem kellha u isimha joħroġ minn fuq il-lista l-griża.

Partit Nazzjonalista

About

Jekk se tagħmilha fuq qalbek, tagħmilhiex. Imma jekk se tagħmilha ghax tħobb... Kun il-Bidla