Is-soluzzjoni mhix li ngħollu l-età obbligatorja.

L-argument li qed iġġib il-Kamra tal-Kummerċ b'referenza għall-età ta' edukazzjoni obbligatorja li għandha tkun estiża minn 16 għal 18-il sena mhuwiex għalkollox ġdid għaliex lura għall-2014, il-Minsitru tal-Edukazzjoni ta' dak iż-żmien, l-Onorevoli Evarist Bartolo, kien diġà beda jitkellem fuq din l-idea.

 

Dak iż-żmien, ir-raġuni li għaliha Bartolo beda jistieden dibattitu fuq is-suġġett kien evidenti li l-edukazzjoni tagħna mhix qed toffri esperjenza olistika li tappella biżżejjed u għalhekk persentaġġ numeruż ta' studenti qed jagħżlu li ma jkomplux jistudjaw aktar wara s-snin obbligatarji, u minkejja l-kritika persistenti tiegħu fis-snin li dam bħala Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-soluzzjonijiet li dejjem ta l-impressjoni li kellu, kienu biss paroli li fih jeċċella sal-lum. Wara biss l-ewwel sena, fehem waħdu, li ma għandux soluzzjonijiet minkejja t-tibdil li ġab f'sistema li sal-lum qed tħallina minn tal-aħħar fl-istatistika tal-Early School Leavers (ESLs) anke jekk għaddew 8 snin ta' Gvern Laburista, minkejja li l-progress reġistrat fir-rigward. Fil-fatt, statistika tal-Eurostat ippubblikata ftit ġimgħat ilu tikkonkludi li Malta għandha l-akbar ammont ta' ESLs minn fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għall-2020 b'16.7% taż-żgħażagħ Maltin ta' bejn it-18 u l-24 sena li ma jkomplux jistudjaw jew jitħarrġu wara s-snin obbligatarji fl-iskejjel. 

 

Ironikament, tmien snin wara, u tliet Ministri tal-Edukazzjoni wara, Malta għad għandha sistema edukattiva kaotika nieqsa mill-kwalitajiet stabbiliti biżżejjed f'pajjiżi bħall-Fillandja u l-Estonja fejn l-edukazzjoni tagħhom hija bbażata fuq il-ħsieb kritiku u l-istudent anke jekk ma nistgħux naddattax tali sistemi b’mod komplet. Is-sistema tagħna hija biss orjentata biex taqdi mentalità li baqgħet tagħraf lil Agatha Barbara u msejsa kompletament fuq l-istudju u t-tagħlim bl-amment, irrispettivament mill-ħtieġa tant imperattiva li tkun addattata għall-bżonnijiet individwali u bi preparazzjoni għal wara s-snin obbligatarji tal-iskola. 

 

Il-problema quddiem dan ix-xenarju deludenti mhijiex waħda. Hija primarjament problema li ġejja minn min qed jieħu d-deċiżjonijiet bl-impressjoni żbaljata li l-bidliet iridu jsiru fis-sillabi u fil-programmi edukattivi u mhux fil-mentalità. Il-bidliet inutli li qed jiġu implimentati qed ikomplu jikkonfermaw li hemm bżonn bidla radikali fil-mod ta' kif nittrattaw lill-edukaturi u lit-tfal tagħna, is-sillabi u l-programmi edukattivi huma sekondarji. Dan jidher biċ-ċar meta nifhmu kif il-progress li qed naraw fl-istatistika taċ-ĊES hija kajmana wisq u ma tagħmilx imqar ftit ġustizzja man-nefqa astronomika li pajjiżna jagħmel fis-settur tal-edukazzjoni. Forsi rridu nifhmu li l-investiment tagħna fis-settur irid ikun bi pjan fit-tul. Irridu naraw dan ukoll fid-dawl tal-fatt li l-employer Malti mhux isib biżżejjed impjegati lesti għad-dinja tax-xogħol, la mill-aspett ta' akkademja u lanqas mill-aspett ta' apprentistat. Allura, mhux biss qed infallu, imma qed infallu f'kull livell. 

 

L-argument ma għandux ikun abbinat mal-età obbligatorja imma mal-għanijiet li għandha tilħaq l-edukazzjoni tagħna. La darba se nibqgħu nippersistu b'sistema mibnija fuq mentalità obsolita, l-età obbligatorja ma tagħmel ebda avvanz għaliex l-istudenti tagħna se jibqgħu jiksbu l-istess riżultati jekk mhux se nibdlu l-mentalità.

 

Irridu qabel xejn nifhmu li l-proġett tal-Kulleġġi falla għal kollox jew jekk mhux għalkollox, kważi, u hemm bżonn li nerġgħu mmorru lura u naraw verament x'kienet l-idea li fuqha kienet varata din l-idea. Irridu wkoll nagħrfu l-importanza tat-tagħlim vokazzjonali u nelevawh b'mod li ma jibqax meqjus bħala dispreġġjattiv u niftħuh kompletament u esklussivament għal kull kulleġġ (biex jagħmel tajjeb għall-iskejjel tas-Snajja’). Jeħtieġ nifhmu darba għal dejjem li mhux it-tfal kollha japplikaw għall-mentalità tal-one-size-fits-all li għadha dominanti minkejja l-effort kollu biex naħbu l-verità. Is-sistema edukattiva tagħna mhux vera li hija inklussiva. L-inklużjoni tagħna baqgħet tiddependi wisq fuq l-istudenti u mhux fuq l-edukaturi.

 

Il-bidliet meħtieġa ma jridux ikunu imposti, imma mifhuma, maqbula, mibnija u implimentati. Fuq kollox, irridu nistinkaw biex fil-klassijiet tagħna jkollna biżżejjed għalliema u edukaturi oħrajn li jħossuhom rispettati u parti minn bidla ġenerazzjonali li qiegħda twelled mentalità moderna li taħseb għall-futur u mhux sempliċiment baby-sitters. Hawnhekk jidħlu l-Unions tal-għalliema li mhux dejjem huma lesti jaċċetta il-bidliet li hemm bżonn u b’mod immedjat.

 

Hawnhekk fallejna, u qed infallu, u inutli nkomplu nemmnu li hemm xi soluzzjoni jekk mhux il-bidla fil-mentalità. Jalla xi darba jkollna skejjel li jappellaw biżżejjed tant li l-pass naturali għat-tfal ta' 16-il sena jkun li jkomplu javvanzaw biex jitgħallmu għall-ħajja u mhux biex jgħaddu mill-eżami llum u jinsew il-kontenut l-għada. Għalhekk naqbel bis-sħiħ mal-argument li qed jagħmel Bernard Grech li b’“Partit Nazzjonalista fil-Gvern irid sistema edukattiva li tifforma lill-persuna u mhux biss tinforma.”

Justin Schembri

About

Edukatur. Kandidat għat-8 u l-1 Distrett. Minority Leader fil-Kunsill Lokali Birkirkara. Impenjat favur l-Edukazzjoni, l-Ambjent u l-Ġustizzja Soċjali. Iggradwat fil-Malti u fil-Politika. Determinat favur il-bidla.