Xtaqt nibda dan l-artiklu billi minn qalbi nuri l-apprezzament u nawgura sena mill-aqwa lill-korp edukattiv u lil kull student li bħalissa daħal lura l-iskola.

Lill-għalliema nirringrazzjahom mhux biss għat-tagħlim professjonali li jafu joffru lil kull student minkejja l-abbilitajiet varji ta’ kull student iżda tal-imħabba li jagħtu lil kull student li jkun għaddej minn diffikultajiet fil-ħajja personali. L-għalliem bl-imġiba tiegħu lejn l-istudent kapaċi joffri stabbiltà, identità u pilastru ta’ sigurtà fil-ħajja tal-istudent li kapaċi jkun nieqsa minnha fid-dar tiegħu.

Mill-banda l-oħra, filwaqt li nawgura sena mill-isbaħ lil kull student f’din il-mixja edukattiva li kultant tista’ tkun mimlija bi sfidi u inċertezzi, wieħed m’għandux jaqta’ qalbu imma jibqa’ ffukat u determinat sal-aħħar. Dak it-tagħlim li wieħed jirċievi matul ħajtu se jagħtih opportunitajiet infiniti u kapaċi ’l quddiem mhux biss ikun ta’ kontribut lilu nnifsu u lil dawk għeżież għalih iżda wkoll għal dawk ta’ madwaru. Ftakru li fil-ħajja kollox jistgħu jeħdulek iżda mhux dak li tgħallimt. U dan grazzi għad-dedikazzjoni bla qies tal-għalliema tagħna.

 

L-inklużjoni fl-iskejjel

Waħda mill-akbar preokkupazzjonijiet li naffaċċa fil-ħajja politika tiegħi hi li ħafna drabi niltaqa’ ma’ ġenituri li jafu li l-iskola fejn imorru wliedhom mhux aċċessibbli. Iltqajt ma’ ġenituri li qaluli li fl-iskejjel fejn imorru wliedhom m’hemmx aċċess għal-lift u allura wliedhom ma jistgħux jaċċessaw l-iskola kollha b’mod indipendenti.

Każ ieħor kien li minħabba s-sura tal-kwalità tal-art tal-iskola t-tfal tagħhom jinsabu f’periklu meta jużaw il-walker u trid tkun LSE b’dedikazzjoni kbira u anke b’periklu għal saħħitha li trid iġġorr u terfa’ l-istudent minn naħa għall-oħra tal-iskola.

Ġenitur ieħor qalli li l-kotba preżenti fl-iskola mhumiex adatti għal persuni nieqsa mid-dawl u allura binhom m’għandux għażla sabiħa ta’ kotba li jista’ jaqra.

Minkejja li wieħed irid jirrikonnoxxi l-iżvilupp qawwi li sar għal dawk it-tfal li għandhom il-kundizzjoni tad-Dyslexia, dawn it-tfal li għandhom diffikultajiet oħra huma xorta tagħna u rridu noffrulhom għażla sabiħa ta’ riżorsi u atmosfera skolastika aktar sikura.

 

Għalliema parapatetiċi

Ħafna ġenituri jinsabu mħassba u inkwetati dwar il-fatt li minħabba li nħass il-bżonn li numru ta’ għalliema parapatetiċi kellhom jirritornaw lura fil-klassi, għadhom ma jafux jekk is-servizzi li wliedhom kienu jingħataw hux se jibqgħu jingħataw. Ħafna hemm barra għadhom ma fehmux li dawn l-għalliema parapatetiċi kienu qed joffru servizzi ta’ irkupru fil-qari fost it-tfal, għajnuniet għal tfal neqsin mis-smigħ u dawl u ħafna oħrajn. Servizzi bħal dawn kapaċi joffru futur aħjar għat-tfal tagħna u garanzija ta’ xogħol fil-futur. Mingħajr dawn is-servizzi dan kollu nkunu tfajnieh fix-xifer tal-irdum.

Jien nemmen li fil-qasam edukattiv m’għandhiex tidħol il-politika partiġjana, iżda kull wieħed u waħda minna għandu jressaq proposti kostruttivi u ta’ fejda għal sistema aħjar. Il-kriżi fost in-nuqqas ta’ għalliema fis-sistema tibda minna lkoll. Kemm verament jien u int nemmnu u napprezzaw il-kontribut u l-ħidma bla kundizzjoni tal-għalliema tagħna. Ngħidulhom lil uliedna kemm tbatija hemm min-naħa tal-għalliem biex jipprepara l-lezzjonijiet u r-riżorsi għalihom kemm fis-sajf u fix-xitwa? Kemm għalliema jiċċaħħdu minn uliedhom stess biex jgħinu lil uliedek?

 

Aktar rispett lill-għalliema

Irridu nħarsu biex fis-snin li ġejjin niggarantixxu aktar nies li jagħżlu l-karriera edukattiva u dan jista’ jsir billi noffru atmosfera aħjar favur l-għalliema b’kundizzjonijiet ta’ pagi u kundizzjonijiet aħjar. Ejja ma niqfux biss fuq sodisfazzjon finanzjarju jew fuq l-għoti ta’ xi laptop lill-għalliem imma opportunitajiet sbieħ fejn l-għalliem jista’ jimraħ fit-tagħlim tiegħu stess u jipprogressa minn skala għall-oħra f’inqas żmien fost oħrajn.

Leone Sciberras

About

Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq it-2 u it-3 Distrett.