1. Illum jimmerita li nduru lura u nifhmu kemm dak lisar minn ta’ qabilna serva għas-sewwa. Serva, l-iktar, għax din il-gazzetta, li twaqqfet f’mumenti ta’ sfida ferm ikbar milli naħsbu, saret għar-raġunijiet it-tajba. Ġie fis-seħħ proġett politiku minn bnedmin li kienu determinati u ispirati mill-ħsieb li għandek, fil-ħajja, li “you do the right thing for the right reason”. U dik il-viżjoni, dik il-fidi tagħhonm li kienu qed jaħdmu u jibnu fis-sewwa, għadhom iservu sal-ġurnata tallum. Gazzetta tibqa’ dik li hija, però issir strument għas-sewwa ta’ soċjetà u poplu skont kif tiġu użata.

Telqet

2. Bdiet miexja b’ħafna diffikultà, l-iktar għax daħlet f’xenarju fejn il-Gvern tal-ġurnata la kien tolleranti, u anqas difensur tad-demokrazija. Kull min ma kienx jaqbel ma’ dawk li kellhom il-poter f’idejhom kien jiġi attakkat, emarġinat, diskriminat u mkasbar. Kienet ipprattikata forma Maltija ta’ ‘apartheid’. Waħda li l-messaġġ fis-soċjetà kien biss li jaqbillek jekk tkun mal-Partit Laburista/Soċjalista. Għalhekk twieldet bħala vuċi skomda, bl-għarfien li diffiċli li ssib ħafna bejgħ jew li jkun hemm ħafna li joħorġu fit-triq juru li xtrawha. Imma iktar ma kienet iebsa t-triq, iktar irnexxiet.

Rabtiet

3. Niftakar, f’din il-mixja, numru ta’ stadji u skaluni. L-ewwel meta l-gazzetta bdiet toħroġ b’karta kbira. Għamlet ħoss, u fl-istess ħin ġibdet attenzjoni qawwija fuqha. Kien hemm min lissen kliem ta’ tmaqdir, imma ħafna raw li fiha kien hemm ferm iktar materjal milli kellhom il-gazzetti l-oħra. Mhux biss, imma kienet, ovvjament, il-gazzetta li trid taqra fuq il-mejda, għax ma kienx daqshekk faċli żżomm f’idejk. Niftakar lil missieri, waqt li jitbissem isemmi, ifaħħar lil George Bonello du Puis, illum mal-Ħallieq tagħna, għal dan. Sab din il-kwalità ta’ karta u ħarġet għall-pubblikazzjoni bl-isfidi li din ġiebet għalihom.

Iktar kontributuri

4. Twieled iktar f’dan, li Il-Mument għandu jkun fiha iktar kontenut politiku. Għandu jkollha iktar kollaboraturi, uħud taħt nom de plume, imma l-maġġor parti f’isimhom, b’deputati li jiktbu fiha sabiex jagħtuha s-saħħa ta’ vuċi tal-Partit. Waħda li tiġbed warajha l-attenzjoni, mhux biss għall-informazzjoni varja li bdiet tidħol u tidher, imma wkoll għall-kritika politika. Waħda neċessarja, u għamlet impatt immedjat. Kemm ħaqqhom tifħir dawk id-diversi li ddedikaw ħafna mill-ħin tagħhom sabiex jiktbu. Niftakar f’dan li missieri kien iddeċieda li għandu jagħti l-eżempju t-tajjeb u jibda huwa wkoll jikteb. L-artiklu tiegħu beda jidher fuq il-paġna ta’ wara, Ħadd wara Ħadd.

Attenzjoni

5. Niftakar, u għad għandi numru ta’ artikoli miktuba bil-kaligrafija tiegħu, li kien jibda, ħafna drabi l-Ġimgħa u jispiċċa s-Sibt filgħodu. Ideat varji bi kritika politika intelliġenti, moderata u attenta. Waħda li tħares li tgħallem u tagħti direzzjoni. Speċjalment għad-diversi bnedmin li kienu militanti fil-Partit, li riedu jaqraw u jifhmu. Jifhmu r-raġunijiet wara numru ta’ deċiżjonijiet u d-direzzjoni. Kull nhar ta’ Sibt, kien jidħol l-uffiċċju Bormla, Vince Micallef, apposta sabiex jittajpja dak li missieri kien kiteb, billi kien jagħraf il-kaligrafija tiegħu sewwa, u wara jmur l-Istamperija, sabiex mal-editur jinqara mill-ġdid u jiġi mgħarbel.

Ħu f’idejk

6. Artikolu partikolari, fost l-eluf tiegħu, kien deher fil-ħarġa tas-6 ta’ Jannar 1980, u li jibda hekk: ‘Ħu f’idejk u Aqra’. Fih, missieri kien ta spjegazzjoni ċara tal-bidliet li saru fil-Partit. Artikolu li, naħseb, għadu jimmerita l-attenzjoni llum. Fih, fl-istil enumerat tiegħu, kien spiċċah hekk: “7. Għax għandna ħafna x’nirranġaw. Forma, żbalji tat-tipa, għażla ta’ materjal, ton. L-idejal tal-gazzetta idejali għadu l-bogħod. Kultant tiddispra quddiem ċerti ħwejjeġ. Il-bnedmin jiżbaljaw u jieħdu granċi. Anki l-aħjar ġurnalisti. 8. Tiskantawx però li partit tal-poplu bħalma hu l-Partit Nazzjonalista jagħmel l-almu tiegħu biex jagħti lill-poplu tagħna servizz tajjeb ta’ ġurnali. Min jemmen bis-saltna tar-raġuni ma jistax jistabar li ma jkunx hawn gazzetti tajba. U serji u bilanċjati. Ideali li trid tħares lejhom. Biex tibda tilħaqhom.”

Minnu jibdew

7. Għal żmien twil kien, għal ħafna, il-punt li minnu jibdew jaqraw il-gazzetta. Għadni niftakar kemm iltqajt ma’ bnedmin li kienu mhux biss jgħiduli dan, imma iktar minn hekk, li f’ħafna drabi kienu jaqrawh iktar minn darba biex jifhmuh sewwa. Għax dejjem kien ikun mimli messaġġi għal min irid jifhem. Nazzjonalment kien ġibed ħafna attenzjoni, u kien hemm mumenti rari meta kien suġġett għal xi kawża ta’ libell. Imma l-fatt kien li kien jinqara u jiġi ċċitat fil-każini u fil-ġabriet tal-Partit. Bil-gazzetta kien hemm ċar li l-Partit Nazzjonalista jaf x’inhuwa jagħmel, u għandu bnedmin fih li għandhom ideat u boxxla politika ċara.

Demokrazija Kristjana

8. Kien iktar ċar li l-linja politika kienet bażata fuq valuri li jħarsu ‘l-bniedem. Iħarsu d-demokrazija fil-libertà u l-ġustizzja. Iħarsu d-drittijiet fundamentali tal-persuna umana. Id-diskorsi tal-Kap, Eddie Fenech Adami, bdew jidhru fis-sħiħ, kelma b’kelma, u dan żied iktar, speċjalment f’mument meta l-aċċess għall-mezzi ta’ komunikazzjoni kienu non-

eżistenti. L-avviżi tal-Partit, l-iktar bil-Mass Meetings li bdew isiru Ħadd wara Ħadd qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-1981 u wara, sal-1987. Diversi kitbu u ħafna ssugraw ukoll. U iktar ma saħnet il-klima politika, iktar il-gazzetta kienet tinxtara u tixxerred.

Skoprejt

9. Għalkemm ta’ tfal, mhux darba jew tnejn dħalna fl-Istamperija biex nistennew lil missierna, wara l-elezzjoni li fiha l-maġġoranza tal-poplu ma ġietx rispettata bdejt ukoll nikteb. Fil-bidu kienet il-Paġna taż-Żgħażagħ li kienet tidher regolarment. Fiha kien hemm materjal politiku. Nikkwotaw politiċi barranin fuq temi differenti, u kien ikun hemm kitba fil-ġenb. Niftakarni mmur għand, dak iż-żmien Michael Schiavone, li kien l-Editur, li b’paċenzja kbira kien jikkoreġi u jindirizzani aħjar. Min hemm fhimt li għandi wkoll pinna politika, li bdejt nuża regolarment.

Edituri

10. Żammejt, għal ħafna, il-kitba tiegħi fuq bażi regolari. Mertu ta’ diversi edituri li missejt magħhom, li ggwidawni sew fis-sabar kważi infinit tagħhom. Michael, warajh Victor Camilleri b’mod partikolari, għax l-aħwa Schiavone u Camilleri kienu pilastri tal-Istamperija għal żmien twil. Imbaskta sewwa u determinati li joħroġ l-aħjar f’kull ħarġa, flimkien ma’ ġurnalisti u fotografi mill-aqwa. Niftakar li kien proprju Victor li kien iddeċieda li l-artikolu tiegħi kellu jibda jidher fuq wara wkoll, bħal ta’ missieri. Kont inħalli s-Sibt filgħodu dedikat għal dan, sabiex dak li nikteb ikun tal-aħħar tal-ġimgħa. Esperjenza unika li għadha miegħi.

Grazzi u viva l-futur

11. Tul dawn is-snin tgħallimt ħafna. Sirt naf ħafna bnedmin li servew b’attenzjoni u umiltà. Ħafna influwenzawni u biddluli l-ħsieb u l-kontenut tal-kitba. Fosthom Joe Zahra, Carmel Callus, Joe Cachia, u ħafna u ħafna oħrajn li jimmeritaw kitba diretta fuqhom. Aħna għandna bosta merti, imma m’għandniex dak li nfakkru u nfaħħru ħidmet dawk li kienu qabilna. Qisna nistħu mis-sewwa u l-ġid li sar, għax hemm min jikkritikana nġustament. Mentri hemm bżonn li l-passat jiġi studjat u mqiegħed lura għad-dawl bħala eżempju ta’ kif isiru l-affarijiet. Għandna, fil-preżent diffiċli tagħna, anzi, ngħarblu sabiex inħarsu lejn il-futur. Dan ġej, u għandna, filwaqt li ngħidu viva l-futur, inkomplu naħdmu biex niggarantixxu iktar snin lil dan l-istrument tas-saltna tar-raġuni.

Appell

12. Nagħlaq, għalkemm nammetti li għandi ferm iktar memorji x’nikteb dwarhom, billi mill-ġdid nappella lill-bnedmin ta’ rieda tajba: ħudu f’idejkom u aqraw.

Carm Mifsud Bonnici

About

Literature Politics Chess