Il-Partit Nazzjonalista ħabbar Konferenza Nazzjonali dwar il-Persuni b’Diżabbiltà bit-tema “Ħudu r-Riedni f’Idejkom”, għal nhar is-Sibt li ġej l-4 ta’ Diċembru, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Persuni b’Diżabbiltà.

Din se tkun opportunità biex il-Partit Nazzjonalista jiddiskuti u jisma’ dwar il-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabbiltà f’pajjiżna mingħand dawk kollha affettwati fis-settur. Se tkun opportunità wkoll biex il-Partit Nazzjonalista juri fil-prattika li l-politika dwar il-persuni b’diżabbiltà hija prijorità ewlenija ħalli bi sforz akbar minn kulħadd jirnexxilna tassew nagħmlu passi kbar ’il quddiem għall-ġid ta’ kull persuna.

“It-tema ‘Ħudu r-Riedni f’Idejkom’ ntgħażlet għax il-Partit Nazzjonalista tassew jemmen fis-setgħa, fil-potenzjal, fit-talent, fil-ħila u fil-kompetenzi ta’ kull wieħed u waħda minna” qal il-Viċi Kap David Agius, bħala l-Kelliem tal-Oppożizzjoni responsabbli mill-politika soċjali. “Meta l-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-persuni b’diżabbiltà jieħdu r-riedni f’idejhom, ikun qed jisħaq ukoll fuq l-importanza li jsaħħaħ l-appoġġ lilhom, lill-ġenituri jew lill-gwardjani tagħhom.”

“Bħala pajjiż, biex niżguraw li l-persuni b’diżabbiltà jieħdu r-riedni f’idejhom, irridu niżguraw aktar rappreżentanza billi l-persuni b’diżabbiltà u l-għaqdiet li jirrappreżentawhom ikollhom involviment sħiħ u qawwi fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fit-tfassil tal-politika. Hekk biss il-persuni b’diżabbiltà jistgħu jkunu parti mill-bidla b’viżjoni li rridu nwettqu għal pajjiżna f’dan il-qasam. Irridu wkoll niżguraw awtonomija sħiħa lill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabbiltà mill-gvern tal-ġurnata,” temm jgħid il-Viċi Kap David Agius.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll Jamie Vella, il-President tal-FOIPN, li saħaq fuq uħud mit-temi ewlenin li se jiġu diskussi waqt il-konferenza fosthom l-aċċettazzjoni u l-inklużjoni, l-edukazzjoni u x-xogħol, u l-aċċessibbiltà u s-servizzi li lkoll huma elementi ewlenin biex il-persuni b’diżabbiltà jieħdu tassew ir-riedni f’idejhom.

“Nemmnu li mingħajr aċċessibbiltà sħiħa, il-persuni b’diżabbiltà mhux se jkollhom ir-riedni f’idejhom u mhux jirnexxilhom jisfruttaw il-potenzjal kollu tagħhom fil-ħajja,” qal il-President tal-FOIPN Jamie Vella. “Għal dan il-għan, gvern ġdid Nazzjonalista jwettaq investimenti mingħajr preċedent u bidliet leġiżlattivi kbar biex dawn it-trasformazzjoni meħtieġa ssir b’ritmu mgħaġġel”.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-appuntament li jmiss huwa nhar is-Sibt li ġej, l-4 ta’ Diċembru mid-9am sa 12pm fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, u kull min jixtieq jibbukkja post jista’ jċempel fuq 25965262.

Partit Nazzjonalista

About

Jekk se tagħmilha fuq qalbek, tagħmilhiex. Imma jekk se tagħmilha ghax tħobb... Kun il-Bidla