ŻOMM AĠĠORNAT:
Il-bdiewa f’Bulebel m’għandhomx jiġu żgumbrati mill-Gvern
Il-Partit Nazzjonalista jrid li Joseph Muscat iżomm kelmtu
In-nies li ilhom jaħdmu l-art agrikola fl-inħawi tal-Bulebel se jibqgħu jsibu lill-Partit Nazzjonalista jkompli jitkellem għalihom jekk il-Gvern se jibqa’ jwebbes rasu li jiżgumbrahom mill-għelieqi tagħhom.
Oriġinarjament, Joseph Muscat ried jeqred aktar minn 120,000 metru kwadru ta’ art agrikola f’Bulebel u wara pressjoni li saritlu mill-Partit Nazzjonalista fil-Parlament, kien biddel fehmtu. Wara ż-żjarat li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia għamel mal-bdiewa fl- inħawi li kienu se jiġu żviluppati, Joseph Muscat kien qal li se ‘jara li lanqas tintuża’ madwar 25% oħra tal-art li kienet identifikata għall-iżvilupp f’Bulebel.
Issa l-gazzetta Illum kixfet kif l-avviżi ta’ żgumbrament li nħarġu lill-bdiewa f’dawn l-inħawi għadhom ma ġewx irtirat, ifsser li mhux veru li Joseph Muscat għandu l-intenzjoni li jsalva din l-art agrikola. Ifisser ukoll li l-bdiewa f’Bulebel għadhom imdendlin.
Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jrid li l-Gvern iwettaq dak li wiegħed u minnufih jirtira l- ordnijiet ta’ żgumbrament biex l-art argrikola, li kien se jieħu bl-iskuża tal-estensjoni taż- żona industrijali, tiġi rilaxxata u tibqa’ tal-bdiewa, li ilhom jaħdmu dawn l-għelieqi għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Jekk il-Gvern ma jżommx kelmtu, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-vuċi tal-bdiewa f’Bulebel u tan-nies biex din l-art agrikola tiġi salvata mill-iżvilupp.
Edwin Vassallo
Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed, in-Negozji Żgħar, l-Koperattivi, l-Biedja u s-Sajd
Jason Azzopardi
Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u l-Green Initiatives
28.03.2018