Fl-4 ta' Settembru li għadda jien tellajt dan il-video blog fuq il-Facebook tiegħi: 

 

Dakinhar u fih jien infurmajtkom li jumejn qabel kont ġejt infurmat uffiċjalment mill-Qorti fil-Bulgarija li s-sid Bulgaru tal-bank SATABANK kien fetaħ kawża SLAPP kontrija fil-Bulgarija għal dak li jien kont għidt fil-Parlament fl-2018.

 

Hekk hu. Sewwa qrajtu. 

 

Bulgaru, sinjur u ħabib tal-kriminali u involut f'ħasil ta' flus ta' biljuni ta' euro, għamilli kawża ta' libell mhux f'Malta, iżda fil-Bulgarija għal dak li jien għidt fil-Parlament Malti fuq SATABANK li iktar tard fl-2020 kien sar l-ewwel bank fl-Ewropa li qatt ġiet irtirata l-liċenjza tiegħu mill-Bank Ċentrali Ewropew.

 

Immaġinaw ftit. Deputat Malti ta' Malta indipendenti u sovrana jridu jagħlqulu ħalqu minn ġewwa l-Bulgarija għax Robert Abela u dan il-Gvern ma jridux jghaddu liġi kontra dan l-abbuż oxxen tal-liġijiet, liema abbuż huwa intiż biex ikollu chilling effect qawwi issa fuq il-libertà tal-espressjoni tal-Membri Parlamentari Maltin.

 

Miniex waħdi f'din is-sitwazzjoni. Għax l-istess Bulgaru fetaħ kawża simili kontra Manwel Delia u t-Times of Malta.

 

L-iskop ta' dan il-blog huwa biex infakkarkom li:

a) minkejja li r-Rapport tal-Inkjesta Pubblika ħareġ fid-29 ta' Lulju li għadda u li fih rakkomondazzjoni speċifika biex il-Gvern jgħaddi liġi jipproteġi lill-ġurnalisti Maltin minn tali kawżi SLAPP, Robert Abela għadu moħħu fil-baħar u ma għamel xejn, 

b) minkejja li jien, għal darba darbtejn wara l-2014, ipproponejt fil-Parlament Malti, Abbozz ta' Liġi li ktibt jien biex ikun impossibbli li barrani jinforza f'Malta sentenza SLAPP minn Qorti barranija kontra l-ġurnalisti Maltin, fid-darbtejn il-Gvern ta' Robert Abela ħa n-naħa tal-barrani sinjur u korrott li jrid jagħlaq ħalq il-Malti 

c) minkejja li fl-4 ta' Settembru li għadda jien urejt kif Deputat Parlamentari Malti huwa l-vittma ta' kawża SLAPP kontrih, Robert Abela mank darba waħda lissen kelma waħda ta' kritika (imqar) jew kundanna għal tali abbuż u aġ

 

Hekk jagħmel il-politiku progressiv? Hekk jagħmel min verament irid iħalli Malta aħjar lil ta' warajna?

 

Tassew, tassew għandna bżonn BIDLA fit-tmexxija ta' dan il-pajjiż.

Jason Azzopardi

About

I believe that each one of us has to carry out his ordinary duties in an extraordinary manner each day. Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq ir-4 u id-9 Distrett.