Il-bilanċ huwa importanti fil-ħajja ta’ kuljum. Nisimgħu ħafna fuq dieta bilanċjata u ħajja tax-xogħol bilanċjata. Din tal-aħħar sirt iktar familjari magħha meta ddeċidejt li nidħol għall-politika, filwaqt li nkompli naħdem u nistudja. Mhux faċli tqassam ħinek biex tagħti l-massimu tiegħek f’kull impenn li għandek, imma bi ftit pjanar u dedikazzjoni kapaċi tasal. Iżda l-bilanċ mhuwiex biss dwar il-proċessi fiżiċi tal-ħajja imma wkoll fl-imġieba mentali. Dan l-aħħar qiegħda ninnota li dejjem irid ikun hemm xi ħadd li jiġbdilna l-attenzjoni dwar in-nuqqas ta’ bilanċ u l-mentalità estremista li qiegħdin nesperjenzaw bħala pajjiż. Każ ċar ta’ dan huwa il-‘greylisting’.

Bħalissa nħoss li pajjiżna tilef il-bilanċ, u li l-mentalità ta’ ‘aħtaf kollox issa umbad naraw il-konsegwenzi wara’ qiegħda terfa’ rasha u ħakmet l-imħuħ ta’ ħafna nies. Nistgħu nosservaw diservi eżempji ta’ dan.

L-ewwel eżempju huwa kif pajjiżna, jew aħjar il-Gvern preżenti, aġixxa waqt iż-żminijiet tal-pandemija. Il-poplu ntalab iżomm id-dixxiplina u jiċċaħħad minn numru ta’ affarijiet biex flimkien nikkontrollaw il-pandemija sal-ewwel nofs tas-sena 2020. Pero’ il-kilba rebħet u ksirna dak il-bilanċ meta ftaħna kważi kollox biex min għandu jagħmel lira jkun jista’ jagħmilha, għad-detriment ta’ saħħet il-poplu. Il-Partit Nazzjonalista dak iz-zmien kien ħareġ pjan konkret ta’ kif kellna nipproċedu biex inżommu bilanċ bejn il-ġid tal-ekonomija u saħħet il-poplu. Pero’ dan, bħal ħafna suġġerimenti oħrajn matul dawn l-aħħar snin, ġie injorat.

It-tieni eżempju huwa fuq il-bilanċ bejn l-ambjent u l-bini. Bħal donnu kuljum naraw attentat ġdid biex tinħataf xi art pubblika għall-gwadann tal-ftit. L-aħħar ftit żoni ħodor ġewwa pajjiżna qiegħdin jiġu sfruttati biex jinbnew monstrożitajiet tal-konkrit. Kulħadd jaf li l-bini huwa bżonjuż, iżda l-izvilupp għandu jimxi id f’id mal-konservazzjoni tal-ambjent. Qiegħdin f’riskju li sa ftit generazzjonijiet oħrajn ma jifdalx fejn tmur tippassiġġa mal-ħbieb jew familja, jew tqatta’ ftit mumenti ta’ mistrieħ taħt xi siġra għall-kenn.

It-tielet eżempju. Qiegħdin naraw nuqqas kbir ta’ pjanar. Il-bilanċ jitlob li l-manutenzjoni tat-toroq issir b’tali mod li ma tikkawżax problemi kbar lir-residenti. Iżda minflok qiegħdin isiru ammont ta’ xogħolijiet f’daqqa, ftit xhur qabel l-elezzjoni, bil-kaġun li ħafna nies qiegħdin jagħmlu siegħat twal fit-traffiku u ssir iktar ħsara lill-ambjent. L-istess nuqqas ta’ pjanar nistgħu narawh fejn għandhom x’jaqsmu l-vetturi elettriċi. Wara snin twal fejn il-gvern kellu jipprova jnaqqas l-ammont ta’ karozzi fit-toroq tal-gżejjer tagħna u jipprepara l-infrastruttura biex nagħmlu l-qabża għal mezzi ta’ trasport iktar nodfa, issa spiċċajna f’sitwazzjoni fejn għandna iktar karozzi jahdmu bil-fuel minn qatt qabel.

Ir-raba’ u l-aħħar eżempju huwa fuq in-nuqqas ta' imparzjalità u bilanċ fuq l-istazzjon nazzjonali. Il-Partit Nazzjonalista innota li l-proposti u inizzjattivi tal-partit qiegħdin jitħallew għall-aħħar u kważi jiġu injorati. Dan imur kontra d-demokrazija u l-libertà tal-espressjoni.

Li nassiguraw li l-ebda perċezzjoni partikolari ma taħkem il-ħsibijiet tagħna hija ċ-ċavetta biex jintlaħqu deċiżjonijiet li jkunu ġusti u bilanċjati .... U hekk hija l-intenzjoni tiegħi jekk inkun fdata minn nies biex nirrapreżentahom.

Rebekah Cilia

About

Viċi President tal-Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista u membru tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Kandidata f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq is-7 u l-11 Distrett.