Il-Budget li għadu kif tressaq minn dan il-Gvern mad-daqqa t’għajn jidher wieħed soċjali  ħafna. Jien ngħid li dan il-budget għandu jiġi implimentat, iżda definittivament għandna nżidu miegħu ħafna affarijiet li l-PN għamilha ċara li se jindirizzaw jekk jiġu eletti għall-Gvern, bħal titjib tal-benefiċċji tal-ħajja tax-xogħol, li definittivament itejbu kwalità ta’ ħajjitna. Paga ugwali għal xogħol ugwali, billi l-kelma "prekarju" intilfet mill-vokabularju tal-PL ma tfissirx li ma teżistix. Aħna smajna lin-nies, u rridu nirrappreżentaw il-bżonnijiet tagħhom. Gvern li ġimgħa ilu għamel tant pompa fuq il-Metro u ġimgħa wara l-anqas biss jivvota ċenteżmu sabiex jibdew l-istudji! Pero ser jonfqu eluf biex jiġi marketed!

 Tweġġagħni nara li stajna għamilna dan u ħafna iktar għal ħafna, ma sar l-ebda rażan fuq dawk li ma’ dan il-Gvern qed jimpalaw l-eluf ta‘ ewro f’konsulenzi u mpjiegi li jirrendu mal-ewwel ħarġu jgħidulna li dan hu Budget li pajjiżna kellu bżonn. Qalulna li dan kien Budget b’viżjoni li jagħti direzzjoni lil Malta ta’ għada. Pero ma smajt xejn fuq setturi ġodda ta’ xogħol. Għall-Budget ta’ kuraġġ li tant għandna bżonn.

U bir-raġun pajjiżna għandu bżonn il-kuraġġ. Wara li dan il-Gvern korrott daħħal lil pajjiżna fil-greylist b‘theddida ċara għall-impjiegi tal-bankiera, accountants u dawk kollha fil-qasam finanzjarju, dawn il-ħaddiema u l-familji tagħhom iridu iktar minn sempliċiment kuraġġ sabiex jaffaċjaw l-isfidi ta’ kuljum b’ ammont sostanzjali ta’ kumpaniji barranin li sa ftit ilu raw f’ pajjiżna ċentru ta’ eċċellenza, jillikwidaw u jitilqu minn pajjiżna.

Kuraġġ għandhom bżonn dawk il-familji li jridu jgħaddu bil-paga minima. Kuraġġ għandhom bżonn dawk il-ħaddiema, koppji żgħar li qed iħarsu sabiex jixtru l-ewwel propjeta’ tagħhom u li marru biex jissellfu mill-Bank. Koppji li tgħabbew b’ammont esaġerat ta’ dejn sabiex jixtru appartament imdaqqas u li għandhom tal-inqas 40 sena biex iħallsu d-dejn kollu u jridu jibqgħu jaħdmu t-tnejn li huma.

Kuraġġ għandhom bżonn dawk il-ħaddiema, li ta’ kuljum jridu jqattgħu siegħat fit-traffiku sabiex jagħmlu traġitt li suppost jieħu ftit minuti. Riċentament iltqajt ma’ xufier ta’ taxi u vjaġġ mill-Mellieħa sal-ajruport fl-4pm ħadlu siegħa u kwart. Dan il-Gvern jiftaħar li nefaq €700 miljun mit-taxxi tagħna, fi proġetti ta’ toroq. Proġetti li raw it-tqaċċit ta’ mijiet ta’ siġar maturi u teħid ta’ art għammiela. Proġetti li iżda l-effett tagħhom fuq it-traffiku bla sens li hawn f’pajjiżna kien ftit li xejn. Proġetti li almenu sa issa ma ħallew l-ebda impatt sostanzjali fuq il-kwalita’ tal-ħajja tagħna.

Kuraġġ iridu l-ħaddiema li kulma ħadu żieda ta‘ €1.75 fil-ġimgħa, meta l-għoli tal-ħajja f’pajjiżna hu wieħed esaġerat. Issa biex tgħaxxaqa, l-għada tal-Budget , il-Gvern għolla d-diesel industrijali, għall-fran u l-fabbriki b‘ €0.7c għal kull litru. Żieda  li jrid jagħmel tajjeb għalih il-ħaddiem Malti.

U dan meta Stewart Helathcare jieħdu €70miljun fis-sena talli tajnihom tlett sptarijiet. Meta lill-Electrogas ħfirnilhom €40 miljun f’taxxa. Meta l-operatur tat-Trasport Pubbliku intuh €30 miljun fis-sena sussidju u tant u tant direct orders li jammontaw il-miljuni lill-ħbieb tal-ħbieb.

Budget li b’mod sfaċċat ħalla barra lil dawk il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, Pulizija, Armata, għalliema, LSE’s,u tant oħrajn li baqgħu jagħtu ħilithom kollha f’pandemija u li dan il-Gvern ma rrikonoxxiex il-ħidma taghhom. Budget li ħalla barra lis-self-employed li jaħdmu tant u tant nies u jdawwru l-ekonomija Maltija. Budget li ħalla barra l-pompa kollha tal-Crypto Currency u Budget li nesa’ kompletament il-Green Jobs.

Qalulna li jridu jaraw pajjiż sabiħ, li tieħu pjaċir tgħix fih. Inħalli lilkom sabiex tagħmlu l-analiżi tagħkom. Disa’ snin wara li faqgħu kull m’hawn bil-bini, dħaħen u trabijiet u bnew kull roqgħa art issa ndunaw li rridu pajjiż sabiħ biex tgħix fih. Qalulna li għad iridu jibdew jiddiskutu mekkaniżmu ahjar li jikkalkula l-kumpens tal-għoli tal-ħajja. F‘9 snin ma kellhomx iċ-ċans jagħmluha!

Pajjiżna jeħtieġ direzzjoni u viżjoni. Uliedna jridu postijiet tax-xogħol ta‘ kwalita‘ u li jħallsu tajjeb. Jekk Gvern Nazzjonalista ma għamel xejn f‘ sena almenu kellu l-viżjoni li jħalli pajjiż sinur, b’ħaddiema li jistgħu u għandhom fejn jimirħu. U iva se nsemmi ftit minn dak li Partit Nazzjonalista  għamel għal pajjiżna u li grazzi għal din il-viżjoni, eluf ta‘ familji Maltin għandhom livell tajjeb ta‘ għixien. Hawn insemmi l-qasam finanzjarju, il-qasam tal-enerġija, il-qasam tat-telekomunikazzjoni, it-tiswija tal-ajruplani, l-qasam bankarju, il-qasam tal-cruise liners, l-igaming, it-tisħieh tal-prodott turistiku, il-pluraliżmu fix-Xandir,  il-bini tal-ajruport, il-bini ta‘ sptar ġdid, it-tkabbir tal-Universita‘, l-MCAST, l-ITS, reverse Osmosis madwar Malta u Għawdex, bini ta‘ toroq u mini ġodda, id-dħul ta‘ Malta fl-UE u fuq kollox poġġa lill-pajjiżna ma‘ pajjiżi li jgawdu l-aqwa reputazzjoni.

Dawn huma biss ftit minn dak li Gvern Nazzjonalista għamel. U li bis-saħħa ta‘ dawn l-industriji u proġetti kapitali, pajjiżna u l-ħaddiema Maltin tejbu l-kwalita‘ tal-ħajja tagħhom. Dawn huma proġetti li għandna biex niftaħru bihom. U dawn huma l-garanzija li Gvern Nazzjonalista immexxi minn Bernard Grech se jkun qed jagħti s-serħan tal-moħħ li pajjiżna tant għandu bżonn.

Mhux ser noqgħod insaqsikom jekk Gvern immexxi mill-PL ġabx almenu settur wieħed ġdid lejn pajjiżna.

Huwa Gvern Nazzjonalista li lil dan il-pajjiż minn dejjem tah viżjoni fit-tul. Huwa Gvern Nazzjonalsita li lill-ħaddiema Maltin tahom l-opportunita‘ biex ikomplu jitgħallmu u jtejjbu l-ħiliet tagħhom. U hekk ser nerġggħu nagħmlu. Aħna ser nerġgħu nkunu t-tarka tal-ħaddiema, u tan-negozjant Malti u Għawdxi. Flimkien ser inkunu l-bidla li pajjiżna tant għandu bżonn.

Ivan Castillo

About

A candidate from the people for the people. Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq it-12 Distrett.