ŻOMM AĠĠORNAT:
Il-ftehim ma’ Vitals ma sarx fl-aħjar interess tat-tobba u l-pazjenti
Ftehim li kien se jfalli qabel jibda għax il-Vitals bla esperjenza fis-saħħa
Il-ftehim bejn il-Gvern u Vitals laqat ħażin lill-pazjenti, it-tobba u liċ-ċittadini. Il-Gvern żamm lit-tobba fl-għama dwar il-ftehim bejn Vitals u Steward u injora totalment il-ftehim kollettiv, li jistipola li kellhom jiġu avżati minn tal-inqas sitt ġimgħat qabel.
Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għas-Saħħa Stephen Spiteri qal li l-ftehim bejn il-Gvern u Vitals ma sarx fl-aħjar interess taċ-ċittadini u wisq inqas tat-tobba, li finalment jirrappreżentaw l-interessi tal-pazjenti tagħhom. Stephen Spiteri spjega kif Vitals ingħataw il- konċessjoni fuq l-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex meta m’għandhomx esperjenza fil-qasam tas-saħħa, ftehim li spiċċa biex falla wara ftit xhur b’riżultat ta’ din in-nuqqas ta’ esperjenza.
Stephen Spiteri enfasizza li Vitals lanqas ma rnexxilhom jibnu l-post minfejn għandha taħdem l-iskola medika ta’ Barts f’Għawdex, u dan b’riskju li jintilef dan l-investiment ukoll. Saħaq li l-Gvern minflok ħataf l-opportunitá li jieħu lura l-isptarijiet u jagħtihom lura lill- poplu, kif kellu dritt li jagħmel skont it-termini tal-kuntratt stess, ħalli lil Vitals tinnegozja l- isptarijiet tagħna hi ma’ Steward. Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għas-Saħħa qal li l- Gvern għad għandu l-opportunitá li jieħu lura dawn l-isptarijiet u għandu jirrevedi minnufih l-kuntratt jew jinnegozjah hu fl-aħjar interess taċ-ċittadini, l-pazjenti u t-tobba.
Mario Galea, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Kura Mentali u s-Saħħa fil-Komunitá qal li l-ftehim ma’ Vitals għall-isptarijiet sar fil-magħluq u meta ġie ppreżentat fil-Parlament kellu 63 paġna li kienu oskurati u mgħottija. Staqsa għalfejn il-Gvern ma jridx li jerġa’ jiftaħ dan il-kuntratt u x’hemm li ma jridx li l-poplu jsir jaf. Mario Galea staqsa għaliex il-Gvern issa qiegħed jaqbel li fi ftehimiet oħra mal-privat fil-futur jibqa’ jkollu l-kontroll iżda qed jibqa’ jippersisti li dan il-ftehim partikolari ma’ Vitals mhux se jerġa’ jiftħu.
Mario Galea staqsa min hu l-benefiċċarju ewlieni tal-Vitals u għalfejn din l-għaġġla biex tbiegħ. Fakkar kif il-ftehim mgħaġġel bejn Vitals u Steward intlaħaq qabel ma daħlet fis-seħħ id-Direttiva Ewropea kontra l-Ħasil tal-Flus. Mario Galea sostna kif il-Partit Nazzjonalista mhux kontra ftehimiet mal-privat, anzi fil-passat wettaq partnerships mal-privat li kienu ta’ suċċess, fosthom fis-saħħa wkoll, iżda mhux jaqbel mal-ftehim ma’ Vitals.
Il-Kandidat Herman Farrugia qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem kellu stima kbira lejn il- professjoni medika. Spjega kif Steward ukoll mhix kumpanija li nistgħu nafdawha għaliex hi wkoll għandha ħafna segretezza u hija kumpanija li taħseb biss kif se tagħmel il-profitt. Farrugia staqsa x’se jiġri jekk Steward tara li ma tkunx qed tagħmel il-profitti li trid u jekk l- isptarijiet jerġgħux jispiċċa taħt idejn kumpanija oħra.
Stephen Spiteri, Mario Galea u Herman Farrugia urew l-appoġġ u solidarjeta tagħhom mat- tobba u l-professjonisti kollha fil-qasam tas-saħħa.
Stephen Spiteri
Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa
Mario Galea
Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa Mentali, id-dimenzja, il-kura fil-komunitá, id-dijabeté, u d-Drittijiet tal-Annimali
Herman Farrugia
Kandidat tal-Partit Nazzjonalista
06.02.2018