Matul dawn l-aħħar ġimgħat il-Partit Nazzjonalista beda jitkellem fuq il-futur dejjem aktar. Forsi huwa mistenni minn Oppożizzjoni li tkun voċifera fil-kritika tagħha, għaliex li tikkritika hija parti essenzjali mid-doveri tagħha, madankollu, il-Partit Nazzjonalista qiegħed imur pass aktar minn hekk u qed ikun dejjem aktar propożittiv.

Għalhekk, l-Oppożizzjoni llum qiegħda wkoll tressaq ’il quddiem sensiela ta’ proposti mfassla fil-policy clusters li mhux biss huma l-pjattaforma tal-politiċi imma wkoll tal-pubbliku inġenerali li huwa mistieden jikkontribwixxi. L-idea li l-politika qiegħda hemmhekk għall-politiċi biss hija żbaljata, u rridu rrawmu mentalità fejn il-pubbliku b’mod miftuħ ikun involut fl-ippjanar tal-pajjiż mil-lat ta’ policy-making. Il-funzjoni primarja tal-politika hija li sservi lis-soċjetà, lin-nies, u allura kull proposta li permezz tagħha tkun qed tagħti valur lill-istess soċjetà ma tistax titwieled fil-konfini ta’ Partit biss  imma trid tkun proposta li ssib il-kenn tal-pubbliku.

Li l-Partit Nazzjonalista qiegħed fuq quddiem nett fejn jidħlu l-proposti hija evidenti għal min għandu l-interess isegwi u jgħarbel l-aħbarijiet politiċi tal-jum. Madankollu, għad għandna sitwazzjoni assurda fejn il-Gvern tal-ġurnata ħataf għalkollox ix-xandir tal-Istat biex jimbotta u jneffaħ il-propoganda tal-Partit Laburista fil-Gvern u jnaqqas l-importanza tal-Oppożizzjoni li qiegħda tagħti lin-nies oppożizzjoni għal dan il-Gvern. In-nuqqas ta’ bilanċ, anzi l-iżbilnaċ estrem u assurd, huwa xhieda ta’ governanza korrotta fuq livell differenti. Din hija wkoll xorta ta’ korruzzjoni, il-korruzzjoni tar-raġuni. Il-Gvern qiegħed jikkorrompi r-raġuni tal-poplu li jsegwi x-xandir tal-Istat li għandu jkun bilanċjat. Madankollu, b’mod sistematiku u kontinwu, il-Gvern qiegħed inaqqas l-importanza tal-politika tal-Oppożizzjoni u dan mhux biss nuqqas serju ta’ rispett lejn il-Partit Nazzjonalista imma wkoll lejn il-pubbliku li f’pajjiż ċivilizzat għandu l-jedd li jingħata l-verità.

Din il-manipulazzjoni għalhekk, ma tawgurax tajjeb għall-futur, anzi ma tagħmilx ġustizzja mal-futur tal-pajjiż. Il-Partit Nazzjonalista huwa kommess li jindirizza l-ħteġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-futur u għaldaqstant id-diversi proposti li qed iressaq ’il quddiem għandhom dan l-għan speċifiku, li jkunu l-futur tal-pajjiż. Irrispettivament mill-kritika, li ħafna drabi tkun bla bażi, tal-Laburisti li jridu jikkritikaw kollox u lil kulħadd basta mhux lill-Partit tagħhom, il-proposti tal-Partit Nazzjonalista jolqtu diversi setturi: l-edukazzjoni, is-saħħa mentali, il-faċilità korrettiva, il-bini fiż-żoni ODZ, il-leave tal-paternità, il-familji, it-taxxi, l-enerġija rinnovabbli fost ħafna.

 

Li l-Partit fl-Oppożizzjoni qiegħed jibbaża l-ħidma tiegħu fuq il-proposti għall-futur huwa sinjal tajjeb, huwa awgurju għal futur li fih il-politika qed titbiegħed mit-tribaliżmu tal-kuluri, imma li jkollok il-Gvern li jrid jostor il-verità, li jrid jimmanipulaha huwa insult lejn kull min għandu sens komun. F’dan il-kuntest, għalhekk, il-midja soċjali hija imperattiva biex ikompli jitwassal il-messaġġ. Irridu nkunu aħna li mmexxu l-ideat tal-Partit Nazzjonalista, li nitkellmu dwarhom, li nfissruhom, li nikkumbattu l-preżent bil-viżjoni tagħna għal għada. B’hekk biss nistgħu nkunu l-bidla, il-bidla li tant neħtieġu, il-bidla li rridu għal Malta aħjar, il-bidla li terġa’ tagħti l-ġustizzja.

 

Għalhekk, jien, int u aħna parti mill-futur. Imma l-futur nibnuh illum imma flimkien għax quddiemna għandna Gvern arroganti li jrid jinstema’ hu biss.  

Justin Schembri

About

Edukatur. Kandidat għat-8 u l-1 Distrett. Minority Leader fil-Kunsill Lokali Birkirkara. Impenjat favur l-Edukazzjoni, l-Ambjent u l-Ġustizzja Soċjali. Iggradwat fil-Malti u fil-Politika. Determinat favur il-bidla.