Bħalma affettwat kull settur immaġinabbli, il-pandemija affettwat wkoll b’ mod negattiv lill-festi tradizzjonali Maltin u ċajpret il-futur tagħhom. Din kompliet żżid il-piżijiet finanzjarji fuq l-għaqdiet li b’tant dedikazzjoni, sena wara l-oħra, jaħdmu sabiex jagħtu spettaklu lill-eluf ta’ viżitaturi filwaqt li jżommu t-tradizzjonijiet tagħna l-Maltin ħajjin.
Piżijiet Finanzjarji
Il-piżijiet finanzjarji komplew jiżdiedu – il-pandemija ma ppermettitix li jsiru l-attivitajiet li s-soltu l-għaqdiet juzaw sabiex jiġbru l-fondi. Apparti minn hekk, l-ispejjeż komplew jiżdiedu.
Dawn jinkludu spejjeż relatati ma preżenza tal-puluzija waqt diversi attivitajiet relatati ma' ‘fund raising’ u ħruq tan-nar li jammontaw għal mijjiet ta’ euro għal kull attivita, spejjeż marbutin mal-banda sparaw ‘l fuq fejn marċ jigi jiswa il-fuq minn €3,000, jekk fl-aħħar mill-aħħar jirnexxilek issib bandisti. Imbagħad hemm li l-ispejjeż marbuta mal-importazzjoni tal-materjaprima meħtieġa ghall-manifattura ta’ xogħol pirotekniku li kompliet splodiet fejn biex tiġi organizzata festa ta’ daqs medju tiswik mal-€40,000 f’ materjal mhux mahdum. L-armar irid manutenzjoni kontinwa wkoll, fejn dan jinvolvi ammont kbir ta’ voluntiera u spejjeż ta’ materja prima. U dawn huma ftit biss mill-piż li jrid jintrefa minn kull soċjeta mużikali, sena wara sena, biex tiġi organizzata l-festa fir-raħal tagħhom.
Nuqqas ta’ Direzzjoni mill-Istat
Wara li l-ġimgħa l-oħra fil-Parlament kont minn ta’ l-ewwel li ġbidt l-attenzjoni dwar nuqqas ta’ direzzjoni, jidher li r-rabja tad-delittanti tal-festi qed tinħass sew. Minkejja li attivitajiet oħrajn tal-massa qegħdin isiru, jidher li m'hemmx pjan biex jissukktaw it-tħejjijiet għall-festi fis-sajf li ġej, jew saħansitra l-Ġimgħa l-Kbira u l-purċissjoni bil-Bambin lejliet il-Milied.
Sadanittant, l-għaqdiet u dawk kollha involuti fil-festi m’humiex jingħataw direzzjoni dwar il-ġejjieni tagħhom. Qed jitħallew fil-għama dwar x’se jkun qiegħed iseħħ matul is-sajf illi ġej, bil-konsegwenza li ma jkunux jistgħu jippreparaw għall-festa. Biex issir festa, dan ikun jeħtieġ prepazzjoni tul is-sena sħiħa, u għalhekk, jekk irridu naghtu gejjieni b’sahhtu lill-festi, hemm bzonn li dawk li jahdmu ghaliha jkunu jafu, sa fejn huwa possibbli, x’se jsehh.
Għajnuna mill-Istat
Nemmnu għalhekk li l-gvern għandu jwieżen aktar lil dawn l-għaqdiet, mhux biss b’aktar informazzjoni fir-rigward tal-ġejjieni tal-festi tradizzjonali f’ pajjiżna, iżda wkoll b’mod finanzjarju. Ma ninsewx li l-festi għandhom mertu b’saħħtu wkoll fil-qasam tat-turiżmu, għaliex jiġbdu lejn pajjiżna eluf ta’ turisti. Apparti minn hekk, jiġġeneraw ukoll turiżmu intern fil-pajjiż u b’hekk idawru sew ir-rota ekonomika ta’ Malta. Ikun ġust jekk dawn igawdu parti mill-frott li joħolqu huma stess.
Pero dan mhux biżżejjed. Kif għidt diġa, preżentament dawn l-għaqdiet għandhom spejjeż iebsin marbutin ma’ permessi, pulizija u allokazzjoni ta’ fire engines għall-ħruq ta’ xogħol pirotekniku apparti spejjeż oħra. Għalekk, il-gvern għandu jara kif jista il-piż ta’ dawn l-ispejjeż joħodhom fuq spellejh hu u jneħħihom minn fuq spallejn dawn l- għaqdiet volontarji.
Xogħol Pirotekniku
Problema oħra li qed tħasseb numru ta’ delittanti hija n-nuqqas ta’ postijiet minn fejn jista’ jinħaraq xogħol pirotekniku. Kif inhu xieraq, il-liġi tistipula ċertu distanzi li jeħtieg ikun hemm bejn żona ta’ ħruq ta’ xogħol pirotekniku u żoni abitati. Għalhekk, l-ispazju disponibbli għal ħruq tan-nar kull ma jmur qed jonqos. Jekk tassew rridu futur għal dan il-qasam, jeħtieg li nissalvagwardjaw ż-żoni minn fejn jinħaraq dan ix-xogħol pirotekniku.
Dibattitu Nazzjonali
Għalkemm fuq dan is-suġġett tkellimt diversi drabi, f’ dawn l-aħħar gimgħat ħassejt il-bżonn li ntella din l-‘issue’ fl-għola istituzzjoni ta’ pajjiżna, u ċioe fil-Parlament. Dan mhux biss għaliex jiena stess delittant tal-festi, imma wkoll għaliex nitkellem ma' għadd kbir ta' delittanti li esprimew miegħi t-tħassib tagħhom fuq dan is-suggett. Huwa fatt maghruf li c-celebrazzjoni tal-festi f’ pajjizna hija tradizzjoni li ila fostna ghal ghexieren ta’ snin. Tkun hasra li dawn nitilfuhom issa. Ghalekk, nahseb li kulhadd jaqbel li lill-festi jeħtieġ nagħtuhom futur għaliex huma parti mis-sinsla tal-kultura tagħna l-Maltin.
Lil hinn mill-politika partiġġjana, il-futur tal-festi f’ pajjiżna għanda tkun diskussa fuq pjattaforma nazzjonali. Kull politiku għandu d-dmir li jara li l-festi tradizzjonali Maltin ikunu protetti. Ha nkun skjett: għalkemm normalment il-festi jintużaw mill-politiċi bhala eżerċizzju ta’ relazzjonijiet pubbliċi, issa wasal ż-żmien li l-għaqdiet volontarji li jiċċelebraw dawn il-festi jużaw lil politiku biex iwassal leħinhom u t-tħassib tagħhom fl-għola istituzzjonijiet tal-pajjiż.
B’ hekk biss, uliedna u ulied uliedna jistgħu jibqgħu igawdu dak li aħna u ġenerazzjonijiet sħaħ qabilna ilhom igawdu għal għexieren ta’ snin.
Do you like this page?