ŻOMM AĠĠORNAT:
Il-Gvern abbanduna s-settur tas-saħħa mentali
Il-Partit Nazzjonalista jrid pjan konkret għal dan is-settur
“Is-settur tas-saħħa mentali jrid jittieħed bis-serjetà u l-problemi fl-isptar Monte Karmeli jiġu indirizzati bis-serjetà għaliex f’dan l-isptar hemm nies vulnerabbli li jeħtieġ li tingħatalhom l- għajnuna, u mhux nilgħabu bil-ħajja tan-nies.”, hekk saħaq il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-isptar Monte Karmeli.
Dr Delia enfasizza kif il-Gvern Laburista abbanduna l-isptar Monte Karmeli, u qed jużah biex jaqdi lil tal-qalba minflok biex jgħin lil min hu fil-bżonn, u dan bħalma għamel meta ħatar CEOs mingħajr esperjenza fis-saħħa mentali bl-uniku kriterju jkun li kienu Sindki Laburisti.
Adrian Delia qal li matul dawn l-aħħar ġranet kien hemm żewġ każijiet li seħħew fl-isptar Monte Karmeli li kienu jinvolvu l-pazjenti. Qal li f’Novembru li għadda kien hemm ukoll każ ta’ mewt b’leġonella. Quddiem dan kollu, il-Ministru Chris Fearne qal biss li għadu se jibda jitkellem fuq pjan għas-snin li ġejjin. Bl-ammissjoni tiegħu stess, Fearne qed jgħid li l-isptar Monte Karmeli mhux se jkun tajjeb qabel l-2023, qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Huwa appella sabiex f’Malta jkun hawn zero tolerance għall-istigma tas-saħħa mentali. Dan għaliex id-WHO qed tbassar li fis-snin li ġejjin se jkun hawn żieda kbira fin-numru tal- persuni li jbatu bi problemi tas-saħħa mentali.
Id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea qal li l-Gvern ma jistax jibqa’ ċass u jitraskura s-settur tas-saħħa mentali. Appella biex terġa’ titwaqqaf il-Crisis Intervention Unit, li l-Gvern Laburista żarma u b’hekk spiċċa biex waqqaf l-għajnuna li tista’ tingħata.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo saħaq li l-isptar Monte Karmeli m’għandux jintuża mill-Gvern bħala għodda politika għaliex wara kull persuna hemm storja. Qal li hija tal-mistħija li persuni vulnerabbli jitħallew waħedhom.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia flimkien mad-Deputati Mario Galea u Ivan Bartolo rringrazzjaw lill-professjonisti, tobba u infermeri li jaħdmu fis-settur tas-saħħa mentali u li b’dedikazzjoni jgħinu lill-pazjenti tagħhom.
15.02.2018