Robert Abela mhux talli mhux qed inaqqas il-lok tat-traffikar iżda talli

għadu kemm ħoloq l-akbar suq li qatt eżista

Illum il-President ta’ pajjiżna iffirma l-liġi li permezz tagħha qed jiġi normalizzat l-użu tad-droga.

B’hekk l-abbozz li kellu kontrih l-akbar firxa wiesgħa ta’ organizazzjonijiet li qatt kien hawn f’pajjiżna, issa sar liġi bl-implikazzjonijiet negattivi kollha li dan ser iġib miegħu minkejja t-twissijiet tal-esperti tas-saħħa pubblika u mentali.

Iżda li hu aktar gravi huwa li b’irresponsabbilta’ kbira u b’nuqqas ta’ sensittivita’ għaċ-ċirkosrtanzi li qed ngħixu fihom, Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Owen Bonnici għaddew din il-liġi u daħluha kollha kemm hi fis-seħħ eżatt qabel il-festi tal-Millied u l-Ewwel tas-Sena, żmien li huwa magħruf li fih il-konsum tad-droga jiżdied aktar.

Dan il-Gvern lanqas biss kellu l-iċken diċenza li qabel ma’ jdaħħal il-liġi fis-seħħ jara li jiddaħħlu l-istrutturi neċessarji biex din titħaddem u tiġi infurzata kif suppost inkella jkun qiegħed jagħti l-akbar rigal lit-traffikanti tad-droga biex jistagħnaw minn fuq il-miżerja ta’ ħaddieħor. Bl-aġir irresponsabbli tiegħu Robert Abela mhux talli mhux qed inaqqas il-lok tat-traffikar iżda talli għadu kemm ħoloq l-akbar suq li qatt eżista.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jeżiġi biex minnufih il-Gvern jirtira dan l-Avviż Legali u fin-nuqqas ta’ dan l-Oppożizzjoni se tkun qed tirrikorri għall-mezzi parlamentari possibli bix dan jiġi mħassar

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt