ŻOMM AĠĠORNAT:
Il-Gvern għandu r-responsabilità li jissalvagwardja l-art pubblika u mhux ikun hu l-katalist li jsir abbuż minnha
Il-Gvern ma kellu qatt ikompli bl-ipproċessar tal-applikazzjoni tal-ITS quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar meta l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali għadu ma lestiex il-verifika li ġie mitlub jagħmel.
Dan għaliex il-Gvern għandu r-responsabilità u d-dover li jissalvagwardja l-art pubblika u mhux ikun hu l-katalist li jippermetti li jsir abbuż minnha.
Il-bejgħ lill-sidien privati tas-sit tal-ITS u l-art anċillari ta’ madwarha, li huma fost l-iprem siti li għandu l-Gvern, fil-golden mile ta’ pajjiżna qajjem diversi mistoqsijiet u sab oġġezzjonijiet kbar minn diversi korpi kostitwiti u assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.
ll-Gvern ġie akkużat li biegħ art pubblika bi ħlas u payment terms stabbiliti minnu stess, li huma ferm ‘il bogħod mill-valur reali tas-s-sit. Il-Gvern se jkun qed jiġbor €5 miljun upfront payment u €10 miljun bla imgħax fuq medda ta’ seba’ snin, filwaqt li biex jirriloka l-ITS minn Pembroke, il-Gvern stess qal li se jħallas €74 miljun f’perjodu ħafna iqsar.
Għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista jqis li bit-trasferiment ta din l-art għal dan il-valur, il- Gvern ma mexiex fl-aħjar interess tal-poplu kif kien obbligat li jagħmel.
Marthese Portelli
Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ippjanar, Progetti Kapitali u s-Suq tal-Propjetà
26.05.2018