ŻOMM AĠĠORNAT:
Il-Gvern ma jaċċetta l-ebda proposta tal-Oppożizzjoni fil-liġi dwar il-protezzjoni tal- embrijuni
Il-Partit Nazzjonalista qatt ma’ nħeba fid-dibattitu dwar il-ħajja; qatt ma’ staħa jkun fuq quddiemnett fid-difiża tal-ħajja mill-konċepiment sat-tmiem naturali. Fl-istess waqt il-Partit Nazzjonalista, se jibqa’ jaħdem biex l-avvanz fit-teknoloġija jgħin dejjem aktar familji li jrabbu t-tfal tagħhom u jilħqu l-aspirazzjoni tagħhom.
Fl-isfond ta’ dawn il-prinċipji l-Oppożizzjoni ressqet sensiela ta’ emendi fl-istadju ta’ kumitat sabiex jiġi emendat l-abbozz tal-liġi li ressaq il-Gvern sabiex ibiddel il-liġi dwar il- protezzjoni tal-embrijuni, liema emendi kollha ma’ ġewx aċċettati min-naħa tal-Gverm.
Fil-proċessi ta’ prokreazzjoni assistita b’mod mediku jeżistu ħafna partijiet b’interessi komuni kif ukoll distinti. Għall-Partit Nazzjonalista, l-ewwel u l-ogħla interess hu dak tat-tfal li għad iridu jitwieldu minn dan il-proċess, wara li jiżviluppaw f’tarbija minn embrijun. Qatt ma’ tista’ tiġi aċċettata sitwazzjoni li jiġi ppreġudikat l-interess tat-tfal aktar u aktar fid-dawl li pajjiżna huwa firmatarju tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar id-Drittijiet Tat- Tfal li fl-aktar prinċipju importanti tagħha tisħaq li l-aqwa interess tat-tfal irid ikun il- kunsiderazzjoni ewlenija f’deċiżjonijiet li jikkonċernaw lit-tfal kif ukoll li kull tifel u tifla għandha id-dritt li tgħix u tiżviluppa.
Matul id-diskussjoni ta’ l-emendi, l-Oppożizzjoni, saħqet biex dawk il-ġenituri prospettivi li għandhom kundizzjonijiet ta’ infertilità jingħataw kull għajnuna medika u klinika possibbli, mhux biss bħala servizz iżda wkoll f’termini finanzjarji. Dawn il-koppji ma’ jistgħux jitħallew waħedhom f’din l-isfida u l-Istat għandu l-obbligu li jipprijoritizza finanzjament sħiħ, kontinwu u adegwat biex dawn il-koppji jkunu jistgħu jindirizzaw kull kundizzjoni li jiffaċċjaw.
Sfortunatament, il-Gvern m’aċċetta l-ebda emenda tal-Oppożizzjoni u baqa’ jinsisti fuq il- pożizzjonijiet tiegħu. L-Oppożizzjoni se tkompli tipparteċipa attivament fl-istadju ta’ kumitat sabiex tkun tista’ tressaq l-emendi rilevanti biex tkun tista’ tindirizza it-tħassib li tqajjem fuq id-diversi punti li ressqu kemm l-Oppożizzjoni kif ukoll is-soċjetà ċivili.
Claudio Grech
Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja, Solidarjetż Soċjali, Pensjonijiet, Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija fil-Ġuf
Stephen Spiteri
Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa
Robert Cutajar
Whip u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Kunsilli Lokali, Komunitajiet u Fondi Ewropej
Maria Deguara
Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar Anzjanità Attiva, Persuni b’Diżabilità u l-Ġlieda kontra d-Dipendenzi u l-Vizzji
06.06.2018