ŻOMM AĠĠORNAT:
Il-Gvern nesa’ lil Għawdex u mhux qed joffri s-soluzzjonijiet għad-diffikultajiet tal- Għawdxin
Se nibqgħu niġġieldu biex l-isptarijiet li l-Gvern ta lil Vitals jiġu lura għand in-nies
“Il-Gvern nesa għal kollox lil Għawdex tant li fil-budget m’hemm l-ebda soluzzjoni għall- kwistjonijiet li jolqtu direttament lill-Għawdxin.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza lill-attivisti f’Ta’ Sannat f’Għawdex.
Dr Delia qal li l-Gvern mhux jindirizza b’serjetà l-problemi u d-diffikultajiet tal-Għawdxin bħalma huma l-insuralità u l-ħolqien tal-impjiegi ta’ kwalità f’Għawdex stess u t-trasport. Huwa qal li l-Gvern nesa wkoll lill-bdiewa, ma sab xejn xi jgħid dwar il-biedja u minflok qal li din ma tantx tikkontribwixxi lill-ekonomija. Dan ifisser li l-Gvern iddeċieda li jeqred il- biedja minflok jgħin lill-bdiewa permezz ta’ aktar inċentivi u sussidji. Adrian Delia qal li l- Oppożizzjoni se tibqa’ tixpruna lill-Gvern fuq Għawdex, u fejn jonqos se jkun qed jiggarantixxi Gvern Nazzjonalista ġdid.
Adrian Delia qal li mar il-Qorti fil-kawża kontra l-Vitals biex l-isptarijiet, San Luqa, Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jirritornaw f’idejn il-Maltin u l-Għawdxin. Huwa qal li l-Gvern għażel li jagħti dawn it-tliet sptarijiet lil xi ħadd li ma nafux min hu, u li m’għandux esperjenza fis-settur mediku. Dr Delia qal li l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien qal li Steward huma ‘the real thing’ iżda issa l-istess Ministru qed jipprova jerġa’ jinnegozja dan il- kuntratt ta’ €2 biljun.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat mhux qed jgħid il-verità, qed jidħak bin-nies u issa ħadd mhu qed jemmnu. Huwa qal li Joseph Muscat kellu jsejjaħ lill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici biex iwieġeb, wara li fil-Parlament staqsa lil Joseph Muscat jekk kienx hemm inkjesta dwar 17 Black. Adrian Delia qal li kieku ma għamilx il-mistoqsijiet fil-Parlament il-Ministru Bonnici kien se jżomm mistur din l- informazzjoni dwar l-inkjesta.
Dr Delia qal li Joseph Muscat l-ewwel jgħid li ma jafx fuq min hi l-inkjesta dwar 17 Black, għaliex hawn is-saltna tad-dritt, u meta staqsewh il-ġurnalisti qal li l-inkjesta mhix kontra Keith Schembri. Dr Delia qal li l-Prim Ministru ma riedx jgħidilna kontra min hi l-inkjesta iżda qalilna konta min mhix. Huwa qal li filwaqt li tista’ tibda inkjesta kontra kumpanija, din għandha shareholders, diretturi u segretarji u imbagħad il-proċeduri jinbdew kontra dawk in- nies li jirrappreżentaw lill-kumpanija.
Adrian Delia qal li Joseph Muscat baqa’ jagħżel li jiddefendi liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi minflok l-interessi tal-Maltin u Għawdxin. Huwa qal li l-ħsara lir-reputazzjoni issa saret tolqot lin-nies kuljum bil-kriżi bankarja li qed tolqot ukoll lis-settur tas-servizzi finanzjarji.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li d-dokument tal-Kunsill Ġenerali tal-PN huwa l-frott ta’ riċerka u ta’ dak li qed jgħidulna l-esperti u l-familji. Huwa qal li dan id-dokument huwa stedina għal diskussjoni dwar il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalsta għal Malta u Għawdex f’ġabra ta’ ideat biex il-PN ikun Gvern alternattiv.
23.11.2018