ŻOMM AĠĠORNAT:
Il-Gvern qed jaħrab mill-kriżi fil-housing li ġab b’idejh stess
Numru ta’ fatti żvelati fil-midja fl-aħħar ġranet juru li l-Gvern qed jaħrab mill-kriżi tal- housing, li ġabha b’idejh bil-politika ta’ immigrazzjoni qawwija u bla pjan.
In-nies iridu soċjetà li jimpurtaha u mhux jinsabu inkwetati bl-aħbarijiet li ħarġu fi ftit ġranet:
-
Aġenti tal-propjetà jiddikjaraw ċar fil-midja li kirjiet ta’ €200 jew €300 fix-xahar m’għadhomx jeżistu fis-suq Malti tal-kera u minflok saru mill-inqas €500 fix-xahar;
-
Aħbarijiet ripetuti ta’ persuni kemm Maltin kif ukoll barranin jorqdu barra fil- garaxxijiet, fil-karozzi, fuq ix-xtajtiet u fil-ġonna pubbliċi;
-
Nofs il-persuni alloġġjati mill-organizzazzjonijiet li jagħtu kenn lil dawk bla dar huma immigranti;
-
Immigranti sfruttati f’razzett tal-baqar;
-
Il-Kap Eżekuttiv ġdid tal-Awtorità tad-Djar jammetti li l-Gvern m’għamilx biżżejjed
fil-qasam tad-djar.
Dawn l-aħbarijiet u fatti jkomplu juru li l-Gvern ħoloq kriżi fil-qasam tal-housing bil-politika tiegħu ta’ immigrazzjoni qawwija u bla pjan. L-immigrazzjoni netta ta’ 10,000 immigrant kull sena bejn l-2014 u l-2016 u ta’ 15,000 is-sena l-oħra qed twassal biex l-ekonomija tikber bil-popolazzjoni u mhux bil-produzzjoni.
Madankollu, il-Gvern mhux jippjana fit-tul għall-effett li l-immigrazzjoni qawwija qed tħalli fuq il-pagi tal-ħaddiema Maltin, it-traffiku, l-infrastruttura, il-prezzijiet, il-kirjiet u l-ambjent fost l-oħrajn. Il-Gvern issa ilu erba’ snin issa jwiegħed titjib fil-housing anke permezz tal-flus li ġejjin mill-bejgħ tal-passaporti iżda f’ħames snin ma fetaħ l-ebda proġett tal-housing soċjali.
Il-Gvern Laburista jeħtieġ jibda jindirizza l-problemi li ħoloq hu stess bil-politika tiegħu ta’ immigrazzjoni qawwija fuq il-Maltin u l-Għawdxin li jikru. Il-Maltin u l-Għawdxin li jikru qed jispiċċaw jaffaċċjaw kirjiet li żdiedu għal-livell ta’ €500, €900 u aktar; somma li tnaqqar b’mod sostanzjali mid-dħul tan-nies.
Ivan Bartolo
Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali, il-Ġlieda kontra l-Faqar, is- Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali
30.08.2018