ŻOMM AĠĠORNAT:
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia se jiftaħ kawża kontra l-Avukat Ġenerali biex jingħata kopja sħiħa tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia se jqabbad konsulenti legali u se jiftaħ kawża kontra l- Avukat Ġenerali wara li dan baqa’ ma tahx kopja sħiħa tal-atti tal-inkjesta li lesta l-Maġistrat Aaron Bugeja.
Wara t-talba li għamel biex jagħti kopja sħiħa tal-inkjesta, l-Kap tal-Oppożizzjoni kien aktar kmieni din il-ġimgħa daħħal protest ġudizzjarju kontra l-Avukat Ġenerali fejn kien tah 24 siegħa żmien sabiex jagħtih kopja sħiħa.
Bid-deċiżjoni tiegħu li ma jagħtix kopja sħiħa tal-inkjesta lill-Kap tal-Oppożizzjoni, l-Avukat Ġenerali qed joħloq żbilanċ politiku bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, b’detriment għall-Partit Nazzjonalista. Dan għaliex il-Prim Ministru u l-Kap tal-Partit Laburista Joseph Muscat għandu kopja sħiħa tal-inkjesta u kull ġurnata li tgħaddi dan l-iżbilanċ qed jimmilita favur il- Gvern u l-Partit Laburista.
Id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li l-atti tal-inkjesta ma jiġux ippubblikati mhix ġustifikata u tmur kontra l-interess nazzjonali u t-trasparenza. Dan meta kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni ddikjaraw li l-atti tal-inkjesta għandhom jiġu ppubblikati b’mod sħiħ.
28.07.2018