ŻOMM AĠĠORNAT:
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jressaq rikors Kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali biex jagħtih kopja sħiħa tal-inkjesta tal-Maġistrat Bugeja
Bid-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali qed jinħoloq żbilanċ politiku
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ressaq rikors Kostituzzjonali fil-Qorti wara li l-Avukat Ġenerali baqa’ jirrifjuta li jipprovdilu kopja sħiħa tal-atti tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja. B’dan ir-rikors, Adrian Delia qed jitlob lill-Qorti li tordna lill-Avukat Ġenerali li jagħtih kopja sħiħa ta’ dan ir-rapport. Dan in-nuqqas ta’ aċċess għar-rapport sħiħ qed isir bi ksur tad-dritt tal-Kap tal-Oppożizzjoni li jirċievi u li jingħata aċċess għall-informazzjoni skont il-kariga Kostituzzjonali li jokkupa sabiex ikun jista’ jwettaq l-obbligi u d-dmirijiet tiegħu.
Dr Delia qed jitlob lill-Qorti li tiddikjara li n-nuqqas min-naħa tal-Avukat Ġenerali li jippubblika kopja tar-rapport sħiħ tmur ukoll kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta u kontra l- Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Il-Kap tal-Oppożizzjoni ressaq dan ir-rikors Kostituzzjonali wara li kien kiteb lill-Avukat Ġenerali biex jagħtih kopja sħiħa tal-inkjesta tal-Maġistrat Bugeja. Huwa kien ukoll fetaħ protest ġudizzjarju wara li l-Avukat Ġenerali baqa’ ma ppubblikax l-inkjesta sħiħa minkejja li kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qalu li din l-inkjesta għandha tiġi ppubblikata sħiħa.
Bid-deċiżjoni tiegħu li ma jagħtix kopja sħiħa tal-inkjesta lill-Kap tal-Oppożizzjoni, l-Avukat Ġenerali qed joħloq żbilanċ politiku bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, u dan b’detriment għall- Partit Nazzjonalista. Dan għaliex il-Prim Ministru u l-Kap tal-Partit Laburista Joseph Muscat għandu kopja sħiħa tal-inkjesta u kull ġurnata li tgħaddi dan l-iżbilanċ qed jimmilita favur il- Gvern u l-Partit Laburista. Kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll esponenti ewlenin tal-Partit Laburista taw ir-reazzjonijiet tagħhom fuq din l-inkjesta. Dan qed joħloq żbilanċ politiku serju b’detriment għall-Oppożizzjoni u l-Partit Nazzjonalista, kontra l- prinċipju tat-trasparenza u l-interess nazzjonali.
09.08.2018