ŻOMM AĠĠORNAT:
Il-Kostituzzjoni trid tibqa' d-difiża taċ-ċittadin onest
Joseph Muscat irid juża r-riforma tal-Kostituzzjoni biex jaħbi l-problemi li ħoloq u li se jħalli warajh
"Jekk għal Joseph Muscat ir-riforma tal-Kostituzzjoni tfisser biss it-tneħħija tal-kurċifissi mill-klassijiet, għalina tfisser it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet bħala tarka taċ-ċittadin onest." Il- Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal dan waqt intervista li saritlu mill-ġurnalist Sergio Mallia fuq Radio 101.
Adrian Delia spjega li minflok 'l-aqwa fl-Ewropa', Joseph Muscat kissrilna l-istituzzjonijiet u qed ikollna nagħtu rendikont tar-reputazzjoni tagħna barra minn Malta. Il-Partit Nazzjonalista lest jiddiskuti r-riforma tal-Kostituzzjoni sabiex insaħħu l-istituzzjonijiet tagħna biex niddefendu liċ-ċittadin onest, u biex niġġieldu l-abbużi kbar li seħħew taħt Joseph Muscat. Minflok Joseph Muscat qed iwaqqa' r-riforma tal-Kostituzzjoni f'sempliċi logħba politika biex jgħatti xturu dwar nuqqasijiet serji ta' governanza tajba, bħal kif ġara fil-każijiet tal- Vitals, l-art taż-Żonqor u l-Università Amerikana. Huwa saħaq li l-ebda diversiv mhu se jwaqqaf lill-Partit Nazzjonalista milli jitkellem dwar il-bżonnijiet tal-poplu u f'isem il-poplu. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa' jkun partit pożittiv u oppożizzjoni b'saħħitha.
Adrian Delia qal li Joseph Muscat issa kkonferma li se jitlaq u se jħalli warajh problemi li ħoloq hu stess bħalma huma l-bejgħ tal-isptarijiet tal-poplu u l-għoti tal-art fiż-Żonqor lil spekulaturi barranin. Huwa qal li l-problemi tal-pajjiż mhux se jissolvew bil-ġlieda għall- poter li diġà bdiet fil-Partit Laburista. Ġlieda li bdiet bid-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li se jwarrab.
B'kuntrast ma' dan, Dr Adrian Delia wettaq reshuffle b'diversi innovazzjonijiet li jirriflettu l- ħtiġijiet diversi tan-nies. Dan ir-reshuffle jirrifletti viżjoni u mod ġdid fil-politika, fejn dak li huwa tajjeb insaħħuh u dak li huwa ħażin inwarrbuh. Dan ir-reshuffle huwa sinjal ċar li Partit Nazzjonalista huwa kapaċi jfassal pjan konkret għall-futur ta' pajjiżna u t'uliedna.
11.02.2018