ŻOMM AĠĠORNAT:
Il-Malti jeħtieġ jibqa’ element ewlieni tal-identita` tagħna
Il-Malti m’għandux isir lingwa barranija għall-Maltin stess
Fil-kontroversja li qala’ l-Gvern dwar l-eżami tas-SEC fil-Malti, il-Partit Nazzjonalista jixtieq jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-ilsien nazzjonali tagħna, li hu l-element ewlieni tal-identità Maltija.
Il-Kostituzzjoni u l-Liġi dwar l-Ilsien Malti jitfgħu obbligi ċari fuq il-Gvern
L-ewwel nett, il-Malti hu l-unika lingwa nazzjonali tagħna. Dan hu mniżżel ċar fil- Kostituzzjoni tagħna, artiklu 5 subartiklu 1, li jgħid: “L-ilsien Nazzjonali ta’ Malta huwa l- ilsien Malti.”
Dak li tgħid il-Kostituzzjoni hu rifless fir-realtà madwarna fejn il-Malti hu l-lingwa l-aktar mitkellma u mifruxa fostna l-Maltin.
Il-Liġi dwar l-Ilsien Malti, mgħoddija minn Gvern Nazzjonalista mill-Parlament Malti b’mod unanimu f’April 2005 u bil-qbil tal-Oppożizzjoni Laburista, titfa’ wkoll obbligi ċari fuq il- Gvern. Il-Liġi dwar l-Ilsien Malti tgħid:
“Il-Malti huwa l-Ilsien ta’ Malta u element ewlieni tal-identità nazzjonali,
huwa parti essenzjali mill-wirt nazzjonali li jiġġedded ta’ kuljum fuq fomm il-Maltin, jagħżel lill-poplu Malti minn kull poplu ieħor,
jagħti lill-istess poplu l-aqwa mezz għall-espressjoni.”
Fl-obbligi li din il-liġi importanti titfa’ fuq il-Gvern, tgħid hekk:
“L-Istat Malti jagħraf fl-Ilsien Malti espressjoni qawwija tan-nazzjonalità (tagħna), u għalhekk jagħtih l-għarfien xieraq u meħtieġ kollu billi jagħraf l-importanza tiegħu fil- prinċipju u fil-prattika, u jgħasses biex dan l-ilsien ma jitħassarx u ma jintilifx.
“L-Istat Malti jippromwovi b’kull mezz possibbli l-akbar użu tal-Ilsien Malti fl-edukazzjoni ... L-Istat Malti għandu jipprovdi biex l-istudju tal-Ilsien Malti ... jingħata dejjem importanza prijoritarja fl-iskejjel, kemm dawk statali kif ukoll dawk li mhumiex, sa mis-snin bikrin tat-tagħlim taċ-ċittadini Maltin kollha.”
Ma naqblux li l-Malti jsir lingwa barranija għall-Maltin
Għalhekk, fl-ispirtu ta’ dak li suppost jaqbel miegħu kulħadd u li hu wkoll imniżżel fil-liġijiet li jorbtu lill-Gvern, il-Partit Nazzjonalista qatt ma jista’ jaqbel li l-Malti jsir lingwa barranija għall-Maltin, aktar u aktar meta din it-theddida jkun qed jagħmilha l-Gvern Malti stess.
Hemm ħafna metodi kif il-Malti jista’ jkun mgħallem lill-barranin li hawn fostna. Gvern Nazzjonalista diġà kien għamel ħafna f’dan u l-Partit Nazzjonalista jaqbel li l-eluf kbar ta’ barranin li qed iġib il-Gvern – bir-rata ta’ 50,000 f’5 snin – u t-tfal tagħhom għandhom ikunu mħajra jitħaddtu u jiktbu bil-Malti.
Madankollu, ma nistgħux naslu f’sitwazzjoni li, kif qed jesprimu b’inkwiet ħafna kummentaturi li jħobbu l-Malti, nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn il-Malti jsir lingwa barranija għall-Maltin stess bl-azzjoni tal-Gvern fil-mod kif jindirizza l-eżamijiet, fosthom tas-SEC.
Il-Partit Nazzjonalista għamel il-Malti lingwa nazzjonali u Ewropea
Il-Partit Nazzjonalista qatt ma jista’ jkun favur ħaġa bħal din għax kien il-Partit Nazzjonalista li għamel lill-Ilsien Malti l-lingwa nazzjonali tagħna bil-Kostituzzjoni tal-Indipendenza, li għadha l-Kostituzzjoni tagħna sal-lum.
Hu l-Partit Nazzjonalista li għamel ukoll lill-Ilsien Malti lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u b’hekk tah prestiġju mhux biss nazzjonli imma wkoll prestiġju Ewropew u internazzjonali. Dan sar kontra l-ħidma u t-tbassir tal-Partit Laburista li kien qal li l-Malti qatt ma kien se jkun lingwa Ewropea.
B’hekk, kien il-Partit Nazzjonalista li fetaħ opportunitajiet f’Malta u fl-Ewropa għall-Malti stess u għall-ħafna ħaddiema fih, fosthom interpreti, tradutturi u qarrejja tal-provi.
Hu l-Partit Nazzjonalista wkoll li ppropona l-Liġi dwar l-Ilsien Malti li waqqfet il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, li fl-aħħar 13-il sena sar ħaddiem bieżel ħafna fil-qasam tal-Malti.
Kien il-Partit Nazzjonalista, fost ħafna oħrajn, li ddefenda lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti meta sentejn ilu l-Gvern Laburista pprova jġibu taħt il-kontroll partiġjan tiegħu.
Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Partit Nazzjonalista qatt ma jista’ jaqbel li l-Malti jsir lingwa barranija għall-Maltin. Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern ikun ċar fl- intenzjonijiet tiegħu u jwettaq il-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Liġi dwar l-Ilsien Malti.
Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jiltaqa’ ma’ dawk kollha li għandhom għal qalbhom il- Malti biex jorqom politika li sseddaq il-Malti fost il-Maltin waqt li ddewwaq l-ilsien Malti lill-barranin li hawn fostna biex l-ilsien nazzjonali tagħna jisseddaq ukoll fuq fommhom.
Clyde Puli
Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni, l-Iżvilupp Uman u l-Ħiliet għas-Seklu 21
21.03.2018