ŻOMM AĠĠORNAT:
Il-5 ĠURNATA: IL-MESSAĠĠ QED JASAL.
Kważi għaddiet l-ewwel ġimgħa ta' kampanja elettorali. Il-poplu qed jifhem kemm din hi elezzjoni mhux bħall-oħrajn. Din hi elezzjoni bikrija għax il-Gvern fnietu l-korruzzjoni. Il-poplu qallu le! Il-poplu qallu ma jistax jibqa' jiggverna. U fit-3 ta' Ġunju il-poplu se jgħid le lill-Gvern korrott ta' Joseph Muscat u jagħżel lill-Malta tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Il-poplu ma jinsiex li tliet ijiem wara li wegħduna Malta tagħna lkoll marru jiftħu l-kontijiet fil-Panana biex jaħbu flushom. Il-poplu ma jinsiex li ħamrullna wiċċna mal-erbat irjieħ tad-dinja. Il-poplu ma jinsiex li wegħdu l-meritokrazija u ffangaw huma biss. Il-Forza Nazzjonali għalhekk qed tikber u tissaħħah għax Gvern Nazzjonalista ġdid mhux se jkun tal-klikka li tradietna iżda ta' kull wieħed u waħda minnkom li taħdmu bi bżulija u tridu pajjiż onest għal uliedna u ulied uliedna.
Ħbieb tiegħi, ingħaqdu magħna fil-jiem li ġejjin. Kunu parti minn din il-bidla meħtieġa. Diġà wrejna kif se nsaħħu l-Istituzzjonijiet li mminaw fl-aħħar erba' snin. Il-fiduċja tagħkom se tfisser li nkomplu nibnu fuq it-tajjeb li ksibna bħala poplu u nwarrbu darba għal dejjem dak li ma jixirqilniex.
Fit-3 ta' Ġunju, pajjiżna jista' jerġa' jikseb direzzjoni kredibbli. Għandi fiduċja li l-Forza Nazzjonali se tqum għal din is-sejħa sinċiera, u bħali tagħżel Malta.