ŻOMM AĠĠORNAT:
Il-Ministru Helena Dalli ma tistax tittieħed bis-serjetàgħax daħket bin-nies
Għandha tgħid ċar u tond għaliex hi u Joseph Muscat iridu jneħħu l-protezzjoni tat-tarbija fil- ġuf mil-liġi
Il-Ministru Helena Dalli, b'ammissjoni tagħha stess u bil-provi, daħket bin-nies f'wiċċhom. Huwa għalhekk leġittimu li l-poplu jistaqsi għaliex Helena Dalli u Joseph Muscat iridu jneħħu l-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf? X'inhuma l-intenzjonijiet veri tagħhom?.
Kif ġie żvelat mill-midja, l-Ministru Helena Dalli stess qalet li l-poplu Malti u Għawdxi ‘ma ndunax’ x’kellu f’moħħu l-Partit Laburista meta fil-programm elettorali tal-2013 uża biss il- kelma ugwaljanza biex iqarraq.
Wara li artiklu u filmat fi Newsbook kixfu bil-povi li l-Ministru Helena Dalli u l-Gvern ta' Joseph Muscat daħku bil-poplu meta ħbew l-intenzjonijiet aħħarin tagħhom fil-programm elettorali tal-2013, qed jikbru d-dubji dwar l-intenzjonijiet veri tal-Gvern li qed jirrifjuta li jżomm klawsola fil-liġi dwar il-vjolenza domestika li tipproteġi lit-tarbija fil-ġuf.
Fid-diskussjoni fil-Parlament dwar il-vjolenza domestika, il-Ministru Helena Dalli baqgħet tinsisti li għandha titneħħa l-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf, dik tal-mara li tkun tqila meta hi tkun vittma ta' vjolenza domestika. Anke wara li l-Oppożizzjoni ġibditilha l-attenzjoni diversi drabi u b'insistenza, il-Ministru m'aċċettatx li din il-protezzjoni terġa’ tidħol fis-seħħ.
Mal-midja, l-Ministru Dalli diġà iddikjarat ukoll li lesta tiddiskuti, wara l-appelli li saru biex jibda dibattitu pubbliku dwar l-introduzzjoni tal-abort. B’din id-dikjarazzjoni, l-Ministru Dalli qegħda terġa’ tinħeba bl-iskuża tal-ugwaljanza sabiex timbotta ‘l quddiem d-diskussjoni fuq l-abort. Dan meta l-aħħar servejs juru li 97% tal-Maltin ma jaqblux mal-abort u allura m’hawnx lok għall-introduzzjoni tal-abort f’Malta.
Skont is-Safe Life Guidelines tar-Renju Unit, "Physical violence can occur for the first time or get worse during pregnancy." Riċerka fl-Awstralja maħruġa mill-Australian Institute of Family Studies tgħid li "women are at greater risk of experiencing violence from an intimate partner during pregnancy."
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li la m'hemmx raġuni valida għaliex il-klawsola tal-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf għandha titneħħa mil-liġi eżistenti tal-vjolenza domestika, din għandha terġa’ tidħol meta l-kumitat jiltaqa’ biex jiddiskuti nhar l-Erbgha li ġej. Helena Dalli u Joseph Muscat għandhom jgħidu għalfejn ma jridux il-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf.
Claudette Buttigieg
Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar id-Drittijiet Indaqs, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet taċ- Ċittadin
Claudio Grech
Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja, is-Solidarjetà Soċjali, l-Pensjonijiet u Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija fil-Ġuf
19.03.2018