Kont nemminha meta kont student l-Universita' u ħadd ma seta' jneħħihieli minn moħħi, li l-PN elitist. Iż-żmien ma tagħnix raġun , kont żbaljat.
Kont nemminha u kont konvint li JM għad jibqa' mfakkar bħala l-aqwa Prim Ministru li kellu pajjiżna, akbar minn Duminku Mintoff u Eddie Fenech Adami. Iż-żmien ma tagħnix raġun, kont żbaljat.
Jiena, niskanta meta jkun hemm min imeri s-sewwa magħruf. Fejn jiġġustifika l-ħażin u l-ħażin vera imxajtan.
Niftakar biss lill-Partit Laburista fil-Gvern sena u tmien xhur. Jekk il-Gvern ta' Sant ma kellu xejn, kienet tidher rieda li jara ċ-ċittadin l-ewwel, mingħajr favuri lil tal-qalba, mingħajr dardir u xow żejjed u Governanza bi trasparenza li taraha.
JM ried juri li huwa invinċibbli. Seta' jagħmilha. Kulħadd kien jaf li l-elezzjoni tal-2013 kellha tintrebaħ mill-moviment. B'distakk ta' 1560+ dawk li kellhom bżonn forma ta' impunita, kenn u oħrajn halli jkomplu jistagħnew marru fiċ-ċentru nazzjonali Laburista u kienu 'welcome' fir-raba’ sular.
Dan rajtu. Bdejt nara persuni li kelli sens ta' skuntentizza bihom li jsiru parti integrali fil-partit tal-ħaddiema meta fil-glorja tagħhom kienu bis-sħiħ fuq in-naħa tal-PN meta kien jaqblilhom hekk għax kien b'saħħtu.
Il-prinċipji tiegħi li jemmnu fis-sewwa, li ma jostakolawx il-verita' u li jħarsu t-trasparenza ġew umiljati. Ħassejtni biċċa tal-art f'partit li ħares l-ego tiegħu u l-egojiżmu ta' dawk li kienu mejta bil-ġuħ. llum moqdija u aġevolati bil-bosta wkoll.
M'hemm xejn illum il-ġurnata li jagħmel il-moviment tal-ħaddiem tal-batut. Waqt id-door to door, dak li kien iħossu batut għadu jħossu batut u l-ħabib galoppin li jippoża bis-selfie fil-binja tal-parlament sar b'saħħtu aktar mill-Ministru.
Sirna insensittivi għall-qtil ta' mara f'darha. Imbagħad niddefendu lill-moviment tal-progressivi u nigglorifikaw xi wħud għax għandhom il-poter u nafu li nistgħu ngawdu mingħandhom. Il-poter meta jitla' għar-ras insiru servili.
Ministri mingħajr vot popolari wieħed fil-parlament, frame-ups u u-turns politiċi l-ħin kollu. Il-poplu mhux Ġaħan, ħa nuża n-negattiv.
Kburi bil-proposti tal-partit fl-oppożizzjoni li daħħal lil Malta fl-Ewropa li minnha gawdha pajjiż sħiħ. Fost dawn żewġ eks-Prim Ministri u nies li telgħu btala fi Brussell.
Qatt ma setgħu jingħataw daqshekk wiċċ ta' toroq, direct orders lill-kuntratturi u tqassim mingħajr il-fondi tal-Ewropa.
Jista' jkollok l-immunita' mill-Covid-19 jekk tieħu l-marda. Jista' jkollok l-impunita' mill-Gvern jekk tkun tal-qalba.
Saru affarijiet immaġinabbli, ħżiena u diżgustanti u ħafna jibqgħu jċapċpulhom.
Affarijiet tad-dinja l-oħra.
Do you like this page?