Il-Partit Nazzjonalista (PN), il-partit tan-nies, huwa partit politiku Malti li twaqqaf fl-1880 u huwa membru tal-Partit Popolari Ewropew (PPE), b’vokazzjoni li jservi l-interess tal-ġid komuni tal-poplu Malti u Għawdxi u li jaħdem b’risq id-dinjità umana. Il-Partit Nazzjonalista huwa nisġa ta’ tliet oqsma ewlenin li jaħdmu flimkien b’sinerġija ma' xulxin u f’kull livell, li huma l-governanza tal-partit, ir-rappreżentanza tal-poplu u l-komunikazzjoni.

L-għan ewlieni tal-Partit Nazzjonalista huwa l-iżvilupp tan-nazzjon b’mod l-iktar sħiħ, ġust, demokratiku u sostenibbli għat-tgawdija ta’ kulħadd bil-ħarsien u t-twettiq tal-ġid komuni. Il-missjoni tal-Partit Nazzjonalista hija l-benesseri ta’ kulħadd, b’rispett sħiħ għall-valur tal-ħajja umana mill-konċepiment sal-mewt naturali, t-twettiq kif ukoll it-tgawdija tal-ġid komuni, u l-fraternità tal-bnedmin f’umanità waħda b’diversità ta’ kulturi.

Fil-ħidma tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jħares lejn il-politika bħala l-ogħla sejħa u impenn għal servizz b’rieda tajba fl-interess tal-poplu, fejn il-persuna tkun fiċ-ċentru tal-politika u fejn il-politika tkun għodda fejjieda għar-realtajiet tal-ħajja tan-nies. Huwa l-partit li f’Malta daħħal il-liberalizzazzjoni tas-suq, tax-xandir u tat-telekomunikazzjoni, kabbar l-ekonomija għal waħda globali u b’investimenti f’setturi innovattivi bħat-teknoloġija, l-informatika, s-settur finanzjarju, l-gaming u l-avjazzjoni, fetaħ is-suq tat-turiżmu u daħħal lil Malta fl-Unjoni Ewropea madwar il-mejda tad-deċiżjonijiet.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ li f’dinja globalizzata, s-solidarjetà hija t-tarka ewlenija biex ħadd ma jibqa’ lura fil-mixja tal-iżvlupp ekonomiku, soċjali u ambjentali u fis-servizzi offruti mill-Istat. Fejn kulħadd jieħu sehem fl-iżvilupp ekonomiku li jkattar xogħol dinjituż imħallas b’mod ġust, u f’qafas ta’ istituzzjonijiet li jħarsu l-interessi tal-poplu. Dan billi jaħdem ukoll ma’ kull min għandu għal qalbu l-ġid komuni tal-bnedmin u tal-poplu kollu Malti u Għawdxi.

Jimpenja ruħu li jaħdem għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja ta’ kull persuna msejsa fuq il-libertà, d-demokrazija, l-ekwità, l-inklużjoni u l-ġustizzja soċjali fi stat fejn tirrenja s-saltna tad-dritt. Fejn il-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri jkollhom Stat li jibqa’ jagħmel kemm jista’ biex iseħħu l-paċi u l-ġustizzja f’Malta, fl-Ewropa u d-dinja, l-aktar fil-Mediterran.

Il-Partit Nazzjonalista huwa rappreżentat b’diversi strutturi u entitajiet sa mit-tesserati sal-Kumitati Lokali, il-Kumitati Reġjonali u Sezzjonali, il-fergħat, il-Presidenti, il-Kumitat Eżekuttiv, il-Kunsill Amministrattiv, il-Kunsill Ġenerali, il-Kunsillieri Lokali, l-Ewroparlamentari, il-Grupp Parlamentari, is-Segretarju Ġenerali, il-Viċi Kapijiet u l-Kap tal-Partit.