Wara r-riżultat diżastruż li kiseb il-gvern ta’ Robert Abela fl-istħarriġ tal-EY ippubblikat ftit ġranet ilu, b’mod partikolari fejn tidħol l-attraenza ta’ Malta fost l-investituri barranin f’Malta u l-ħajra tagħhom li jerġgħu jinvestu f’Malta bħala pajjiż ġol-greylist, il-klikka ta’ Robert Abela reġgħet inqdiet bix-xandir pubbliku u bl-aħbarijiet tat-tmienja biex taħbi l-verità.

Ir-rappurtaġġ ta’ tvm.com.mt, xi tmien sigħat wara, ħareġ bit-titlu qarrieqi li “37% tal-investituri jaraw lil Malta attraenti għall-investiment”, u dan bit-tentattiv li jaħbi r-riżultat tal-istħarriġ tal-EY li kkonferma l-agħar livell għall-attrazzjoni tal-investiment barrani. Fil-fatt, dan l-istħarriġ li jsir kull sena mid-ditta tal-awdituri EY wera li 46% tal-investituri eżistenti f’Malta ma jarawx lil pajjiżna attraenti għal aktar investiment u dan ifisser tnaqqis enormi ta’ 25% mis-sena ta’ qabel.

Filwaqt li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista hija mħassba b’riżultat bħal dan għax jolqot ħażin ħafna lill-ekonomija tagħha u lill-impjiegi ta’ kwalità fil-pajjiż, l-Oppożizzjoni hija mħassba wkoll li l-gvern bl-aktar mod sfaċċat qed juża x-xandir nazzjonali biex iqarraq bil-poplu u jostorlu din il-verità sħiħa.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius fakkar li dan il-kontroll tal-PBS minn Kastilja bi ksur tal-aktar prinċipji bażiċi tad-demokrazija, wasal fi stat miżeru tant li issa lanqas il-ġurnalisti tal-PBS ma jistgħu jtellgħu programmi tad-diskussjoni mingħajr l-approvazzjoni ta’ Robert Abela, ħmistax-il ġurnata bil-quddiem.

Il-PBS jibqa’ jinjora l-konferenzi tal-Kap tal-Oppożizzjoni

Intant it-Tlieta filgħaxija il-PBS għażel li jobdi l-istruzzjonijiet tal-klikka ta’ Robert Abela u ma wassalx il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni mill-Parlament.

Għaldaqstant, f’dan il-kuntest ta’ qerq, ħabi u kontroll assolut minn Kastilja, il-PBS qed jagħżel b’mod intenzjonat li mhux biss jinjora għalkollox bosta stqarrijiet tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista iżda saħansitra qed jagħżel li jħalli barra konferenzi tal-aħbarijiet sħaħ tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Filwaqt li fl-aħħar xhur, il-PBS instab ħati darbtejn li injora l-istruzzjonijiet ċari tal-Awtorità tax-Xandir u weħel multa ta’ eluf ta’ ewro minn flus il-poplu, il-PBS issa qed jibqa’ jinjora wkoll il-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex ikompli jċaħħad lill-poplu mill-bidla b’viżjoni li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista bi proposti konkreti u strateġiċi għal Malta.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista, għalhekk, se tibqa’ tippreżenta l-ilmenti tagħha dwar dan mal-Awtorità tax-Xandir biex tiżgura li x-xandir tan-nies – TVM – jimxi bl-imparzjalità minquxa fil-Kostituzzjoni u bil-bilanċ kif stabbilit fil-liġi dwar ix-xandir.

David Agius

About

Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament. Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq it-8 u l-11 Distrett.