ŻOMM AĠĠORNAT:
Il-PN impenjat li jagħti l-importanza lill-isport
L-isport għandu jkun għodda għall-formazzjoni taż-żgħażagħ
“Il-Partit Nazzjonalista huwa impenjat biex jagħti l-prijorità u l-importanza li l-isport jixraqlu fil-formazzjoni edukattiva taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Dan biex l-isport ikun strument li jwassal l-għaqda u l-formazzjoni tas-soċjetà.” Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal dan meta ltaqa’ mar-rebbieħa ta’ Sport Malta Awards.
Dr Delia qal li l-limitazzjoni ġeografika ta’ Malta m’għandhiex tkun ta’ xkiel għall- formazzjoni sportiva taż-żgħażagħ. Qal li l-isportivi Maltin urew li huma kapaċi daqs kull atleta ieħor u urew dan bir-riżultati li kisbu barra minn xtutna. Adrian Delia qal li l-Gvern għandu l-obbligu li jagħti r-riżors u l-faċilitajiet kollha possibbli lill-isportivi Maltin u Għawdxin kollha.
Il-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Sandro Micallef iddeskriva kif l-għaqda bdiet il- ħidma biex fis-sena 2020 tiċċelebra bl-aħjar mod il-50 anniversarju mit-twaqqif tagħha. Qal li l-qofol mistenni jkun it-tielet edizzjoni tal-iSport Media Forum Ewropew fejn se jipparteċipaw id-49 pajjiż membru tal-AIPS Europe, il-fergħa Ewropea tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti Sportivi (AIPS).
Fi tmiem din il-laqgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u l-Kelliem għall-Isport Ryan Callus ippreżentaw tifkira lil kull wieħed mir-rebbieħa tat-58 Edizzjoni tal-Sport Malta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali.
01.03.2018