ŻOMM AĠĠORNAT:
Il-PN irid ippjanar fit-tul għal ambjent sostenibbli
“Malta għandha art li hija limitat u għalhekk irid isir ippjanar fit-tul sabiex naraw li nagħmlu l-aħjar użu minn din l-art għall-ġid tas-soċjetà”, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal dan waqt laqgħa li kellu mal-Malta Developers Association (MDA). Huwa qal li meta art pubblika tingħata lill-privat jrid ikun hemm proċess aktar trasparenti.
Dr Delia spjega kif il-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni qed iwassal għal tibdil għall- aħjar tas-soċjetà, bħalma ġara f’bosta okkażjonijiet fosthom il-każ tal-pensjonijiet tal-membri parlamentari meta l-Gvern segwa l-appella tal-Oppożizzjoni.
Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista se jaħdem biex jissolvew problemi fil-kirjiet u se jara minfejn qed jinħolqu l-inġustizzji. Adrian Delia qal li l-iżvilupp m’għandux aktar jitqies bħala f’kunflitt mal-ħarsien tal-ambjent.
Il-President tal-Malta Developers Association, Sandro Chetcuti qal li l-Assoċjazzjoni taqbel li jsir pjan fit-tul għall-iżvilupp b’rispett ukoll lejn l-investiment li jsir mingħand l-iżviluppaturi.
Sandro Chetcuti spjega kif is-settur tal-kostruzzjoni joffri x-xogħol lil 37,000 persuna u għalhekk huwa settur li joffri impjieg aktar minn setturi oħra. Huwa qal li l-MDA tinsab lesta li taħdem mal-Oppożizzjoni għall-ġid ta’ din l-industrija.
Għal din il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat mis- Segretarju Ġenerali Clyde Puli mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar il-Proġetti Kapitali, l-Ippjanar u s-Suq tal-Propjetà Marthese Portelli.
14.03.2018