ŻOMM AĠĠORNAT:
Il-PN jemmen li ċ-ċokon ta’ pajjiżna m’għandux jikkundizzjona lill-atleti milli jirnexxu
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li minkejja ċ-ċokon tagħna, l-atleti Maltin kapaċi nirnexxu u jiksbu r-riżultati. Dan bħar-riżultat prestiġġjuż li kiseb it-Tim Nazzjonali Malti tal-Waterpolo, li se jipparteċipa għat-tieni darba fil-Kampjonat Ewropew.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt żjara li kellu mit-Tim Nazzjonali tal-Waterpolo mmexxija mill-President tal-Aquatic Sports Association (ASA) Joe Caruana Curran u mill-Kowċ Nazzjonali Karl Izzo.
Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen fl-abbilitajiet tal-atleti Maltin Huwa spjega kif iċ-ċokon tal-pajjiż m’għandux jikkundizzjona l-prestazzjoni ta’ atleta, u l-akbar sfida għandha tkun li jtejjeb lilu nnifsu ħalli jkabbar il-limiti ta’ fejn jista’ jasal.
Dr Delia qal li għalkemm b’limitazzjonijiet, speċjalment fir-riżorsi, t-Tim Nazzjonali Malti tal-Waterpolo kiseb riżultati prestiġġjużi grazzi għas-sehem ta’ kulħadd u d-determinazzjoni tal-plejers.
Il-President tal-ASA Joe Caruana Curran qal li l-Assoċjazzjoni tirrikonoxxi l-isforzi li jagħmlu l-uffiċjali u l-plejers biex jinkisbu l-aħjar riżultati. Huwa qal li l-politiċi kollha għandhom jaħdmu dejjem aktar sabiex l-isport ikompli jimxi ‘l quddiem.
Għal din il-laqgħa, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament David Agius u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Ġlieda kontra l-Obeżità Ryan Callus.
Il-Partit Nazzjonalista jawgura kull suċċess lit-Tim Nazzjonali Malti tal-Waterpolo li se jipparteċipa fil-Kampjonat Ewropew f’Barċellona fi Spanja bejn l-14 u t-28 ta’ Lulju li ġej.
14.03.2018