ŻOMM AĠĠORNAT:
Il-PN jikkundanna l-istqarrija tal-MEP Sven Giegold
Ma nistgħux inwaħħlu fis-settur privat għan-nuqqasijiet tal-Gvern
Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-istqarrija tal-MEP Ġermaniż tal-Ħodor Ewropej Sven Giegold li f’intervista tat-Telegraph iddikjara li se jkun qed jagħmel kampanja biex l-HSBC tittermina l-operat tagħha minn Malta.
Dan anke hekk il-parti tal-istqarrija tal-MEP li tirreferi għar-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea li sabet irregolaritajiet fil-każ tal-FIAU u fir-rigward tal-MFSA hija korretta. Fil-fatt il-Partit Nazzjonalista stess permezz tal-Kap tiegħu Adrian Delia ikkritika bl-aħrax lill-Gvern u talab għar-riżenja tal-Ministru għall-Finanzi li baqa’ jgħatti xtur il-Gvern fuq dan ir-rapport inkwetanti għal Malta bħala ġurisdizzjoni ta’ kwalità għall-operat tas-servizzi finanzjarji u bankarji.
Ma nistgħux iżda nwaħħlu fis-settur privat għan-nuqqasijiet tal-Gvern. Huwa att ta’ irresponsabilità min-naħa tal-MEP Giegold li jpoġġi l-pressjoni fuq istituzzjoni finanzjarja privata. Il-Partit Nazzjonalista se jkun viċin il-bank HSCB u l-1,400 ħaddiema tiegħu f’ Malta li jaraw bl-akbar diliġenza u professjonalità li tiġi applikata bi sħiħ ir- regolamentazzjoni finanzjarja Maltija u Ewropea.
L-MEP Giegold u sħabu jkun aħjar jaħdmu fid-direzzjoni tal-Partit Nazzjonalista li nżidu l- pressjoni fuq il-Gvern u l-aġir tiegħu, iżda dan m’għandux jippreġudika lil terzi independenti mill-aġir tal-Gvern li għadu jittollera persuni qrib tiegħu ħafna b’allegazzjonijiet serjissimi ta’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni ta’ ammonti kbar ta’ flus.
Mario de Marco
Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi
Kristy Debono
Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Ekonomija, s-Servizzi Finanzjarji u l-Innovazjoni
01.10.2018