ŻOMM AĠĠORNAT:
Il-PN qed jagħżel li jitlob lill-Awditur Ġenerali jinvestiga l-kuntratt għat-tmexxija tal- estensjoni ta’ San Vinċenz
Jeħtieġ li tiġi kjarifikata l-proċedura li l-Gvern uża għat-tmexxija tal-estensjoni ta’ 500 sodda fir-residenza San Vinċenz u dan b’rispett sħiħ lejn it-trasparenza. Għalhekk permezz tat-tliet membri tiegħu fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jitlob lill-Awditur Ġenerali jinvestiga l-kuntratt li ngħata sabiex jiġi mistħarreġ jekk il-Gvern mexiex mar-regolamenti u l-proċeduri stabbiliti.
Din it-talba sabiex l-Awditur Ġenerali jinvestiga se ssir wara li l-Gvern naqas illi minnufih jiċċara l-fatti dwar il-proċedura li ntużat għat-tmexxija ta’ din l-estensjoni f’San Vinċenz. Dan meta artikli li dehru fil-midja lokali qalu li joint venture privat ingħata direct order ta €274 miljun mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali sabiex titmexxa estensjoni ta’ 500 sodda li għad trid tinbena f’San Vincenz.
Is-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Dizabilità u Anzjanità Attiva fi stqarrija kien ċaħad, iżda din ġiet kontradetta minn dak li ppubblika l-Gvern stess fil-ħarġa tal-Gazzetta tal- Gvern tal-20 ta’ Lulju 2018. Kelliem għall-Ministeru għall-Finanzi kien qal li l-Ministeru ma kienx approva din id-direct order u ntalab rapport, wara li l-Ministru Edward Scicluna qal li ma kienx jaf b’dan it-tender ta’ aktar minn kwart ta’ biljun ewro.
Id-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI) kien irribatta kummenti magħmula mis-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u l-Anzjani li pprova jagħti l-impressjoni li in- notifika li dehret fil-Gazzetta tal-Gvern kienet żbaljata min-naħa tad-DOI. Id-Dipartiment tal- Informazzjoni iżda kien ippreċiża li xogħlu huwa li jippubblika l-informazzjoni mibgħuta mill-Ministeri u entitajiet pubbliċi u hekk għamel f’dan il-każ.
Fid-dawl ta’ dan kollu u fin-nuqqas min-naħa tal-Gvern li jiċċara s-sitwazzjoni, l- Oppożizzjoni qed tagħżel li permezz tat-tliet membri fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi Beppe Fenech Adami, Kristy Debono u Claudio Grech, li titlob lill-Awditur Ġenerali jinvestiga l-kuntratt sabiex f’gieħ it-trasparenza u l-governanza tajba jiġi ċċarat u stabbilit xi proċedura ntużat għat-tmexxija ta’ din l-estensjoni fil-kumpless tal-anzjani f’San Vinċenz.
Adrian Delia
Kap tal-Oppożizzjoni u Kelliem għall-Ġustizzja u l-Governanza Tajba
Mario de Marco
Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi
Maria Deguara
Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar Anzjanità Attiva, Persuni b’Diżabilità u l-Ġlieda kontra d- Dipendenzi u l-Vizzji
25.08.2018