ŻOMM AĠĠORNAT:
Il-problemi fl-immaniġġjar tal-iskart juru n-nuqqas ta’ rieda tal-Gvern fil-qasam ambjentali
L-istatistika li r-riċiklaġġ tal-iskart f’pajjiżna naqas b’40% matul is-sena 2016 juri n-nuqqas ta’ rieda u l-inkompetenza tal-Gvern li jitratta b’mod serju l-qasam ambjentali, inkluż l- immaniġġjar tal-iskart.
Ċifri ppubblikati mill-Ufficju Nazzjonali tal-Istatistika juru li l-iskart irriċklat naqas b’aktar minn 10% u aktar minn 200,000 tunellata.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota li minkejja li l-Gvern żied il-ħaddiema tal-Wasteserv b’mod qawwi l-problema tal-iskart qed tikber u mhux tonqos u bl-istess mod l-immanġġjar tal-iskart mar lura minnflok ‘il quddiem. Dan deher ċar fl-impjant tar-riċiklaġġ ta’ Sant’ Antnin fejn minkejja li rdoppjaw il-ħaddiema dan xorta ħa n-nar darbtejn.
Din l-inkompetenza u n-nuqqas ta’ rieda tal-Gvern tista’ twassal biex l-engineered landfills jintlew aktar malajr milli kif oriġinarjament ippjanat. Flok jintużaw ir-riżorsi kollha fl-aħjar mod u bl-akbar ħarsien tal-ambjent, din in-nuqqas ta’ rieda se tintuża bħala skuża biex isir l- inċineratur fl-Għallis, kif diġà ġie mwiegħed.
Aktar ma’ nersqu lejn is-sena 2020 qed isir dejjem aktar ċar li dan il-Gvern għadu ‘l bogħod ħafna milli jilħaq il-miri tal-Unjoni Ewropea. In-nuqqas ta’ rieda tal-Gvern toħroġ ċar in- nuqqas ta’ kredenzjali ambjentali ta’ dan il-Gvern.
Jason Azzopardi
Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u l-Green Initiatives
17.02.2018