Ilkoll kemm aħna nintlaqtu b'mod dirett mill-qasam infrastrutturali ta' pajjiżna.  Huwa wieħed mis-suġġetti li spiss ikun fil-qalba tad-diskussjoni politika f'pajjiżna. Huwa fil-qalba tal-ħidma għal livell ta' għajxien aħjar għal kull wieħed u waħda minna, u għalhekk huwa intrinsikament marbut ma' kemm pajjiż jimxi l' quddiem u jsaħħaħ l-bażi ekonomika u soċjali tiegħu.
 
Għalhekk, meta wieħed jikkunsidra l-importanza ta' infrastruttura moderna, wieħed jirrealizza wkoll l-importanza li jsir żvilupp għaqli u maħsub sew f'dan il-qasam. Is-soluzzjonijiet, kif se nispjega aktar l' quddiem f'dan l-artiklu, m'għandhomx ikunu biss dawk short-term bħat-twessiegħ tat-toroq, imma wkoll dawk li jħarsu aktar fil-bogħod bħal mezzi alternattivi ta' trasport u sistema nazzjonali ta' trasport tal-massa.

Oltrè minn hekk, l-investiment fis-settur infrastrutturali għandu jħares ukoll lejn il-miri ambjentali ta’ pajjiżna, għaliex issa aktar minn qatt qabel qed nifhmu kemm dawn il-miri huma marbuta intrisikament mal-livell ta’ għajxien tagħna. Għalhekk jeħtieġ ħsieb dwar kif se jitnaqqsu l-emmissjonijiet li huma ta’ periklu mhux biss għall-klima imma anke direttament fuq saħħitna.

Ħidmet il-gvernijiet Nazzjonalisti kienet essenzjali

Gvernijiet Nazzjonalisti tal-passat taw kontribut kbir fil-qasam tal-infrastruttura u għalhekk, in-narattiva tal-gvern Laburista li b'mod huma qed jikkumpensaw għan-nuqqas ta' ħidma minn gvrrnijiet Nazzjonalisti hija għal kollox falza. Biżżejjed insemmi proġetti bħall-mini ta' Santa Venera, il-mini ta' Giorni, il-Coast Road, il-Bypass ta' San Pawl il-Baħar, it-triq li mir-Rabat twassal għal Ħaż Żebbuġ u mijiet ta' toroq oħrajn, kemm residenzjali kif ukoll arterjali li saru. Dan biex ma nsemmux r-restawr estensiv li sar fuq numru kbir ta' siti storiċi mit-taqsima tal-Public Works. Għaldaqstant, filwaqt li huwa tajjeb li gvern Laburista jinvesti fl-infrastruttura, rridu nfakkru li l-pedamenti ta' dan kollu kien frott il-ħidma ta' gvernijiet Nazzjonalisti.

Il-Gvern Laburista mhux biss sab bażi soda fuq xiex seta jkompli jizviluppa l-infrastruttura ta’ pajjizna, izda sab wkoll il-fondi meħtieġa biex dawn il-proġetti illum il-gurnata qed jiehdu l-forma taghhom.

Il-Fondi Ewropej kienu strumentali
 
L-ex Prim Ministru Lawrence Gonzi kien nnegozja pakkett finanzjarju mill-Unjoni Ewropea ta’ €1.2 Biljun: pakkett finanzjarju b’saħħtu ħafna għal pajjiżna minkejja li f’dawk is-snin l-EU kienet qed taffaċċja l-agħar riċessjoni finanzjarja li qatt esperjenzat. Dan il-pakkett kien jinkludi t-tfassil ta’ diversi progetti infrastrutturali li gew approvati u konsegentament iffinanzjati mill-Unjoni Ewropeja u li llum pajjizna qed igawdi mill-implimentazjoni taghhom. Il-Partit Laburista fil-gvern qata l-frott tal-hidma sfieqa ta’ Gvernijiet precedent Nazzjonalisti biex setghu gew implimentati dawn il-progetti minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropeja, minkejja l-fatt li kienu hu li mexxa l-kampanja kontra l-isħubija ta’ pajjiżna fl-istess Unjoni Ewropeja.

Nuqqas ta' trasport alternattiv

Fl-aħħar ġimgħat, wieħed seta' jinnota żieda fil-konġestjoni fit-toroq. Dan minkejja d-diversi proġetti ta' twessiegħ ta' toroq li matul l-aħħar snin il-gvern Laburista wettaq. Kif semmejt aktar 'il fuq, din il-konġestjoni hija sintomu tan-nuqqas ta' trasport alternattiv li dan il-gvern naqas milli jaħdem fuqu matul l-aħħar 8 snin. Avolja kien l-gvern Laburista stess li inċentiva t-tkabbir tal-popolazzjoni permezz tal-importazzjoni ta' ħaddiema barranin, xorta ma għamel xejn sabiex jindirizza lil din iż-żieda ta' popolazzjoni.
Il-gvern għandu jara li mhux jagħmel l-użu tal-karozza bħala wieħed mandatorju għaliex m’hemmx alternattiva għalih, imma jiffaċilita l-użu ta’ mezzi alternattivi ta’ trasport b’investiment f’infrastruttura apposta għalihom.

 



Madankollu, l-PN ma kienx sempliċi spettatur iżda kien u għadu fuq quddiem tal-ħidma sabiex pajjiżna jaddotta trasport tal-massa adekwat li jtejjeb l-livell ta' għajxien billi jnaqqas l-konġestjoni mingħajr konsum ta' art bla bżonn u aktar degradazzjoni tal-ambjent.

Toni Bezzina

About

Determinat li nkun ta' servizz għal kulħadd. Kelliem għat-Trasport, Avjazzjoni u Affarijiet Marittimi. Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq il-5 Distrett.