ŻOMM AĠĠORNAT:
Il-villaġġ tal-Festi tal-Indipendenza lest biex jilqa’ liż-żgħażagħ u l-familji għaċ-ċelebrazzjonijiet tat-twelid ta’ pajjiżna
L-Indipendenza għandha tkun il-festa li tgħaqqadna bħala poplu
“L-Indipendenza hija ċ-ċelebrazzjoni tat-twelid tan-nazzjon Malti. Din hija l-festa tal-poplu Malti u Għawdxi kollu u għandha tkun festa li tgħaqqadna bħala nazzjon.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta żar il-villaġġ tal-Festi tal-Indipendenza fuq il- Fosos tal-Floriana.
Dr Delia ra l-aħħar preparamenti għall-festi tal-Indipendenza li se jsiru fuq il-Fosos bejn il-15 u l-20 ta’ Settembru. Huwa ġie mdawwar mal-villaġġ tal-Indipendenza mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli u ltaqa’ wkoll mal-ammont sabiħ ta’ ħaddiema u volontiera li matul dawn l-aħħar ġranet kienu nvoluti fil-preparamenti u x-xogħlijiet meħtieġa biex intrama’ dan il-villaġġ tal-Festi tal-Indipendenza.
Fl-okkażjoni tal-54 sena anniversarju, t-tema għall-festi tal-Indipendenza hija Soċjetà li Jimpurtaha. Il-Partit Nazzjonalista jrid li jkollna soċjetà li jimpurtaha u li tkun mibnija fuq ħames pilastri li huma; l-ħarsien tal-ħajja, l-għajxien diċenti għal kulħadd, l-wens għal dawk f’qagħdiet dgħajfin, il-kwalità tal-ħajja u l-identità tagħna bħala Maltin u Għawdxin. Dan sabiex is-soċjetà tagħna ma tispiċċax a soulless state.
Matul din l-edizzjoni tal-festi tal-Indipendenza se jkun hemm programm varjat ta’ diveriment fuq il-Fosos, li jinkludi fost l-oħrajn mużika minn tribute bands tal-Queen u Coldplay. Dawn it-tribute bands Killer Queen u Live Play se jkunu qed idoqqu fuq il-Fosos għada s-Sibt 15 ta’ Settembru u l-għada l-Ħadd 16 ta’ Settembru rispettivament. Fuq il-Fosos se jittellgħu wkoll il-Konkors Kanzunetta Indipendenza u l-edizzjoni Junior ta’ dan il-festival. Dan apparti Teen Party għaż-żgħażagħ u ammont sostanzjali ta’ attivitajiet sportivi mtella’ minn TIMSport PN.
Dr Delia ħeġġeġ lill-familji Maltin u Għawdxin kollha biex jattendu għall-festi tal- Indipendenza bil-qofol tal-festi tal-Indipendenza jkunu il-mass meeting nhar il-Ħamis 20 ta’ Settembru.
Matul din iż-żjara, Dr Delia kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli, l-President tal-Kunsill Amministrattiv David Stellini u mill- Kordinatur Politiku tal-partit Jean Pierre Debono.
14.09.2018