ŻOMM AĠĠORNAT:
In-nies iridu s-serħan tal-moħħ u mhux korruzzjoni li tagħmel ħsara lil Malta
In-nies iridu li jkollhom serħan tal-moħħ li l-istituzzjonijiet fil-pajjiż huma verament indipendenti u li l-Gvern jiġġieled verament il-korruzzjoni. Dan biex ma ssirx ħsara lir- reputazzjoni ta’ Malta wara li n-nies bi bżulija stinkaw biex ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna tkun waħda tajba.
Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jikkonferma kemm il-korruzzjoni qed tagħmel ħsara kbira. Fir-rapport magħruf bħala European Semester, il-Kummissjoni Ewropea għamlitha ċara li “Malta għandha ssaħħaħ l-isforzi tagħha sabiex tiġġieled il-korruzzjoni, speċjalment fejn għandu x’jaqsam l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni”.
Il-kliem tal-Kummissjoni juru biċ-ċar li Joseph Muscat qed jonqos milli jieħu azzjoni fil- konfront tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff Keith Schembri. Dan wara li fil- ġranet li għaddew il-Qorti għat-tieni darba kkonkludiet li Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom jiġu investigati.
Din in-nuqqas ta’ ħeġġa ta’ Joseph Muscat li jieħu azzjoni qed tikkawża ħsara kbira lir- reputazzjoni ta’ Malta. Il-Kummissjoni Ewropea wissiet li din in-nuqqas ta’ azzjoni tista’ taffettwa wkoll l-investiment f’pajjiżna u allura x-xogħol tan-nies.
Il-Partit Nazzjonalista qed jistieden lil Joseph Muscat biex jieqaf jiddefendi lil Konrad Mizzi u Keith Schembri u jieħu azzjoni biex jeqred il-korruzzjoni biex ma ssirx aktar ħsara lir- reputazzjoni ta’ Malta.
Simon Busuttil
Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Governanza Tajba
24.05.2018