ŻOMM AĠĠORNAT:
In-nies qed iħallsu aktar għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma
Taħt Gvern Laburista n-nies mhux biss qed jirċievu l-kont tad-dawl u l-ilma aktar ta’ spiss mingħand l-ARMS iżda qed tirċevuh aktar għoli. Dan jirriżulta minn stħarriġ li sar fuq l- ewwel 100 kont li n-nies ġabu magħhom għand il-Partit Nazzjonalista wara sejħa li għamel il-Kap tal-Partit Adrian Delia. Minn dan l-istħarriġ jirriżulta li minn 100 familja madwar 80% spiċċaw iħallsu aktar milli suppost. Id-diskrepanzi fil-ħlasijiet ivarjaw bejn €6 u €600 fis- sena.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius qal li r-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma kienet il-wegħda ewlenija tal-Partit Laburista meta rebaħ l-elezzjoni ġenerali tal-2013. Huwa qal li minflok in-nies qed jispiċċaw iħallsu aktar milli suppost għad-dawl u l-ilma.
Il-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista s-Soċjologu Michael Briguglio qal li l-Gvern ilu s-snin jaf li l-kontijiet qed joħorġu għola milli suppost. Fl-2016 konsumaturi, ekonomisti, akkademiċi u NGOs ukoll ikkonfermaw dan, u kif b’dal-mod aktar frekwenti kif jintbagħtu l- kontijiet tad-dawl u l-ilma qed iwassal sabiex in-nies iħallsu ferm aktar milli suppost iħallsu.
Il-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista l-Inġinier Mark Anthony Sammut għamel preżentazzjoni dwar l-analiżi tal-ewwel 100 kont. Huwa qal li l-kalkoli li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista huma kalkoli konservattivi għaliex ma’ jinkludux telf mill-eco reductions.
In-nies bdew iġibu l-kontijiet tagħhom għand il-Partit Nazzjonalista wara li l-Ħadd li għadda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien stieden lin-nies sabiex jiġu d-Dar Ċentrali bil-kontijiet ta’ sena. Dan biex issirilhom l-assessjar kemm qed jispiċċaw iħallsu aktar għad- dawl u l-ilma li jikkunsmaw.
Il-Partit Nazzjonalista se jkomplu bl-eżerċizzju li janalizza l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u għalhekk iħeġġeġ aktar nies biex iġibu l-kontijiet ta’ sena sħiħa fid-Dar Ċentrali. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem sabiex issir ġustizzja man-nies u min ħallas aktar milli suppost għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma jieħu l-flus lura.
26.05.2018