ŻOMM AĠĠORNAT:
In-nies qed jistennew il-verita` u t-tweġibiet mingħand il-Ministru Chris Cardona
Il-PN jitlob is-sospensjoni tax-xogħol tal-kamra biex din id-diskussjoni issir
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Adrian Delia llejla ressaq talba fil-Kamra tar-Rappreżentanti taħt l-Artiklu 13 tal-Ordni Permanenti biex jitressaq l-aġġornament tal-Kamra. Dan sabiex minflok fil-Parlament, issir diskussjoni fuq l-allegazzjoni li kienet ippubblikata fit-Times of Malta, bħala parti mill-konsorzju internazzjonali ta’ 18-il organizzazzjoni tal-midja.
Dr Delia ressaq din it-talba għaliex id-diskussjoni fuq dak li rrappurtat il-midja dwar il- Ministru Chris Cardona hija ta’ importanza pubblika urġenti. Din l-allegazzjoni hija waħda serja ħafna u hi konnessa mall-investigazzjoni dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Ilbieraħ, it-Times żvelat li l-Ministru Chris Cardona ltaqa’ mal-aħwa Degiorgio, li jinsabu akkużat bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kemm qabel kif ukoll wara l- qtil tal-ġurnalista f’Ottubru li għadda.
Huwa l-interess tan-nies li ssir din id-diskussjoni fil-Parlament dwar din l-allegazzjoni serja li saret minn konsorzju internazzjonali tal-ġurnalisti dwar il-Ministru Chris Cardona. Għalhekk, l-Oppożizzjoni għamlet din it-talba sabiex jitressaq l-aġġornament tax-xogħol tal-Kamra, b’responsabbilità u serjetà kbira għaliex wara li The Times of Malta ppubblikat l-allegazzjoni dwar il-Ministru Chris Cardona, in-nies jixirqilhom li jkunu jafu l-verità sħiħa.
Adrian Delia qal li ħadd ma huwa se jwaqqaf lill-Partit Nazzjonalista milli jkompli jagħmel il-mistoqsijiet li n-nies qed jistennew ir-risposti għalihom. Dr Delia reġa’ enfasizza li dan huwa l-mument fejn Joseph Muscat irid jieħu d-deċiżjonijiet biex ma tibqax issir ħsara lir- reputazzjoni ta’ Malta.
18.04.2018